Darab pulizija waqt li kien fis-sakra; deportat

Barrani se jkun deportat lura pajjiżu wara li nstab ħati li lejlet il-festa ta’ Santa Marija huwa aggreda u fera ħafif pulizija mara f’Paceville. Ir-raġel ta’ 32 sena li jgħix il-Gżira kien akkużat mill-Ispettur Joseph Xerri li insulta jew prova jintimida pulizija mara u pulizija raġel, kif ukoll li weġġa’ ħafif lill-pulizija mara. Huwa kien akkużat ukoll li kien xurban f’post pubbliku u kkonsma l-alkoħol fi flixkun tal-ħġieġ f’post projbit.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.30am fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan hekk kif il-Pulizija waqqfu lir-raġel wara li rawh li kien taħt l-effett tal-alkoħol viċin l-għassa tal-Pulizija. Ir-raġel prova jintimida lill-pulizija u rreżista l-arrest wara li ppruvaw iħeġġuh imur fil-kwiet.

Għall-akkużi miġjuba kontrih ir-raġel wieġeb li hu ħati bil-Qorti tgħid li l-attakki fuq il-Pulizija mhumiex aċċettati. Il-Qorti sabet lill-akkużat ħati u kkundannatu għal sentejn priġunerija sospiżi bi tliet snin kif ukoll multa ta’ €800 li trid titħallas fi żmien 6 xhur. Il-Qorti ordnat ukoll li r-raġel ikun deportat lura pajjiżu.