Dar tat-Tfal tal-Knisja fl-Indja taqdi lil dawk fil-periferija tas-soċjetà

Brother Joseph Sebastian jingħata premju mill-Isqof Awżiljarju Angelo Garcias ta’ Bombay, fl-aħħar tax-xahar li għadda.

Id-Dar tat-Tfal “Santa Katarina ta’ Siena” li tinsab f’Mumbai l-Indja, iċċelebrat il-festa tal-patruna tagħha billi mpenjat ruħha li tkompli trawwem it-talenti u l-potenzjal ta’ kull tifel u tifla li hemm fiha.

Din id-Dar infetħet fl-1957 u titmexxa mill-Welfare Society for Destitute Children li nbdiet minn Fr. Anthony Elenjimittan li miet fl-2011.

250 tifel u tifla

Dar Santa Katerina ta’ Siena tipprovdi għal aktar minn 250 tifel u tifla li huma orfni jew abbandunati li jibqgħu jgħixu fid-dar sakemm jagħlqu t-22 sena. L-iżgħar wieħed minn dawn it-tfal għandu 3 snin li ommu ħallietu orfni flimkien ma’ ħuħ akbar minnu.

Br. Joseph Sebastian, Direttur tat-Tfal qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet “Crux” li permezz tal-edukazzjoni huma jgħinu lil dawn it-tfal biex jiksbu lura d-dinjità tagħhom u kunfidenza fihom infushom u jsiru adulti responsabbli. “Il-mira tagħna hi li nippreparawhom għal ħajja b’saħħitha u futur produttiv biex jgħinu l-pajjiż”.

L-Istitut iżomm lil dawn it-tfal sa 22 sena biex jassigura li dawn jiksbu kwalifiċi bażiċi biex isibu mpjieg u jkunu kapaċi jgħixu b’mod indipendenti. Dan jgħin ukoll biex ikun evitat li t-tfal jibdew jaħdmu jew jiżżewġu ta’ età żgħira li huma problemi li jinsatbu ħafna fil-periferija tas-soċjetà Indjana.

Studenti mwarrba mis-sistema edukattiv

Barra li taqdi tfal orfni u abbandunati, Dar Santa Katarina ta’ Siena taqdi wkoll studenti mhux residenti mill-inħawi li huma fil-marġini tas-soċjetà. Dawn huma studenti fqar li s-sistema edukattiva warrbithom. Barra mill-edukazzjoni dawn it-tfal jingħataw ukoll ikla f’nofsinhar.

Hemm tfal li huma kbar għall-klassi li qegħdin fiha. Hemm tfal ta’ għaxar snin jitgħallmu fil-livell ta’ kindergarten għax waqgħu lura fit-tagħlim. Id-Dar tgħin ukoll tfal bi problemi ta’ mġieba. Dawn it-tfal ġejjin minn ambjent fejn bdew jaħdmu ta’ età żgħira u jsibuha diffiċli biex jiktbu jew jistudjaw.

Barra edukazzjoni d-dar toffri wkoll kenn, ikel u ħwejjeġ lil dawn it-tfal u toffrilhom ambjent siguru mħabba biex tgħinhom ifiequ mit-trawma tal-abbandun u l-abbuż.

Wara li jispiċċaw l-iskola t-tfal ikunu megħjuna biex isibu mpjieg jew biex ikomplu l-istudji f’livell għoli. Dawk it-tfal li juru li mhux inklinati lejn studji akkademiċi, jgħallmuhom is-snajja jew oqsma veterinarji għal dawk fosthom li jħobbu l-annimali.