Dar tal-anzjani f’Birkirkara tibqa’ fuq il-billboard

Facebook

Read in English.

Il-proġett ta’ dar tal-anzjani fuq biċċa art f’Birkirkara baqa’ fuq il-billboard minkejja li fl-aħħar kampanja elettorali saret konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie mħabbar proġett ta’ €12 miljun għal 150 sodda għall-anzjani.

Il-proġett kien tħabbar fil-15 ta’ Mejju, 10 ijiem qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Tmien xhur wara, din iż-żona mhux talli għadha ma nbnitx iżda qed tintuża bħala parkeġġ.

Preżenti kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-anzjani Anthony Agius Decelis fil-preżenta tal-Ministri Konrad Mizzi u Michael Falzon flimkien ma’ rappreżentanza tal-Partit Laburista mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara fosthom is-Sindku Joanne Debono Grech.

Minkejja li l-entità tal-Gvern Project Malta ssottomettiet il-pjanti f’Awwissu tal-2017, diversi emendi fil-pjanti baqgħu jsiru sa Diċembru 2019 bil-proċess tal-Awtorità tal-Ippjanar għadu fl-istadju ta’ screening.

Permezz ta’ document ta’ Perit, aktar minn 40 resident ressqu l-ilmenti tagħhom u qalu li din il-biċċa art kienet l-unika waħda li għad fadal fiż-żona li mhix mibnija. Talbu lill-awtoritajiet biex jikkunsidraw li jwaqqfu l-proġett minħabba nuqqas ta’ spazji miftuħa.

Apparti s-sulari residenzjali għall-anzjani, l-proġett huwa maħsub ukoll bħala parkeġġ li se jkun mifrux fuq erba’ sulari taħt l-art.

Din mhix l-unika dar tal-anzjani li l-Gvern ħabbar u għadu ma fetaħx. Seba’ snin ilu, il-Gvern għamel ftehim mal-Kurja f’Għawdex li permezz tiegħu il-Gvern seta’ jibni dar tal-anzjani flok il-Knisja ta’ San Ġużepp f’Għajnsielem.

Għal xi xhur dan il-proġett kien wieqaf iżda issa l-progress miexi bil-mod. Għalkemm l-istruttura nbniet, id-dar tal-anzjani fadlilha biex tibda tilqa’ persuni fiha.