Dar San Ġużepp tgħid li fiequ 7 persuni oħra mill-coronavirus

Dar San Ġużepp, dar tal-anzjani fil-Fgura, qalet li fiequ seba’ persuni oħra mill-coronavirus, biex issa t-total ta’ persuni mfejqin f’din ir-residenza huwa ta’ 62.

Dan tħabbar mir-residenza stess fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha lbieraħ filgħaxija. Minn jum għall-ieħor, ir-residenza qiegħda taġġorna lis-segwaċi tagħha bl-għadd ta’ persuni mfejqin billi qed tagħmel swab tests ta’ kuljum.

Update regarding outcome of continuous swabbing. We have registered 7 more recoveries. 62 in total.

Posted by Residenza San Guzepp on Tuesday, September 29, 2020

Il-ġimgħa li għaddiet, is-sitwazzjoni f’din ir-residenza kienet waħda allarmanti billi skont ma qalet hi stess, kien hemm 113-il persuna pożittiva għall-virus mill-278 resident fid-dar. Ħafna minnhom kienu bla sintomi.

Mistoqsijiet mibgħuta minn Newsbook.com.mt kemm lir-residenza, kif ukoll lill-Ministeru tas-Saħħa, dwar dettalji fuq il-każijiet tan-nies li fiequ, baqgħu ma twiġbux.

Minħabba l-każijiet tal-coronavirus fost l-anzjani u fid-djar tal-anzjani, nhar is-Sibt li għadda, is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva ħabbar li r-residenti li jinstab li għandhom il-coronavirus se jitħallew ġod-dar biex jiksbu l-kura meħtieġa minn hemm, filwaqt li dawk li ma jkollhomx il-virus se jitmexxew għal Casal Nuovo. Dawk li jkunu kwarantina wkoll se jitħallew ġo Dar San Ġużepp.

Fil-kumplament tad-djar tal-anzjani, se tidħol fis-seħħ “miżura interim” biex meta jinstab każ pożittiv ġdid f’dar fejn ma jkun hemm l-ebda każ ieħor, ir-resident se jintbagħat l-Isptar Pawlu Boffa jew St Thomas Hospital, jew Mater Dei skont il-kundizzjoni medika wara li jiġi eżaminat minn tabib.