Dar San Ġużepp tgħid li fiequ 26 persuna oħra mill-coronavirus

Read in English.

Id-dar tal-anzjani Dar San Ġużepp fil-Fgura qalet li fiequ 26 persuna oħra mill-coronavirus.

Dan qalitu fuq il-paġna tagħha fuq Facebook ilbieraħ filgħaxija. Newsbook.com.mt ipprova jikkonferma dan mal-Ministeru tas-Saħħa imma għadu ma rċeviex tweġiba.

Ġo din id-dar tal-anzjani li kienet waħda mill-agħar li ntlaqtu bil-Covid-19, qed isiru testijiet tal-coronavirus ta’ kuljum sabiex jaraw jekk ikunx hemm residenti jew ħaddiema li fiequ mill-virus. Ftit tal-jiem ilu tħabbar li fiequ seba’ persuni, jiġifieri issa t-total ta’ persuni mfejqa mill-virus f’din id-dar huwa ta’ 33.

Update regarding outcome of continuous swabbing. We have registered 26 more recoveries. 33 in total.

Posted by Residenza San Guzepp on Friday, September 25, 2020

Sa ftit jiem ilu, 113-il resident tad-dar tal-anzjani San Ġużepp kienu ttestjaw pożittiv għall-coronavirus mill-278 resident fid-dar. Mill-113-il pazjent, 14 ittieħdu l-isptar. Sa dakinhar, żewġ residenti minn dawn mietu waqt li kellhom il-Covid-19. Wieħed mill-pazjenti miet f’din id-dar filwaqt li l-persuna l-oħra mietet fl-Isptar Mater Dei. Intant, 29 ħaddiem kienu pożittivi għall-virus u 50 ħaddiem kienu kwarantina.

Ir-residenza qalet li l-maġġoranza tal-każijiet fid-dar kienu bla sintomi.

L-imwiet bil-coronavirus f’Malta kienu kollha ta’ anzjani. Il-lejl li għadda, mietet il-31 persuna bil-coronavirus li kienet anzjana ta’ 92 sena li kienet ġo dar tal-anzjani.

Mill-31 każ tal-coronavirus tal-bieraħ, kien hemm tlieta li kienu ġejjin minn dar tal-anzjani oħra, Casa San Paolo, skont il-Ministeru tas-Saħħa.

Dwar il-każijiet tal-bieraħ u tal-lum
29 każ ġdid tal-coronavirus; ifiqu 43 persuna