Dar San Ġużepp: Ir-residenti bil-Covid-19 jibqgħu fid-dar; dawk negattivi jitmexxew

Read in English.

Il-Gvern ħabbar li minħabba s-sitwazzjoni inkwetanti tal-coronavirus f’Dar San Ġużepp fil-Fgura, ir-residenti li jinstab li għandhom il-coronavirus se jitħallew ġod-dar biex jiksbu l-kura meħtieġa minn hemm, filwaqt li dawk li ma jkollhomx il-virus se jitmexxew għal Casal Nuovo.

Dan tħabbar minn stqarrija ppubblikata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva s-Sibt filgħaxija.

Dawk li jkunu kwarantina wkoll se jitħallew ġo Dar San Ġużepp.

Casal Nuovo se tkopri diversi sodod permezz tal-liċenzja ta’ Emerġenza mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali. Il-kumplament tas-sodod se jiġu pprovduti mill-Isptar St James. Dawn ir-residenti se jkunu qegħdin fi kwarantina preventiva u se jiġu ttestjati kull tlett ijiem. Il-linji gwida tar-rilokazzjoni tar-residenti se jkunu qed jiġu segwiti.

Fil-bqija tad-djar tal-anzjani

Fil-kumplament tad-djar tal-anzjani, se tidħol fis-seħħ “miżura interim” biex meta jinstab każ pożittiv ġdid f’dar fejn ma jkun hemm l-ebda każ ieħor, ir-resident se jintbagħat l-Isptar Pawlu Boffa jew St Thomas Hospital, jew Mater Dei skont il-kundizzjoni medika wara li jiġi eżaminat minn tabib.

Il-Gvern qal li l-miżuri ta’ trasferiment tar-residenti pożittivi minn dar tal-anzjani se jkunu qed isiru permezz ta’ protokoll approvat.

L-istatistika

Minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena, twettqu 1,012-il spezzjoni f’residenzi tal-anzjani. Tali infurzar u viżti ta’ moniteraġġ se jibqgħu jsiru bl-għan li jiġi żgurat li l-protokolli maħruġa u l-istandards meħtieġa jkunu qed jiġu segwiti.

Minn Ġunju sal-lum saru wkoll iżjed minn 14,500 swab fid-djar tal-anzjani, kemm għar-residenti, kif ukoll għall-ħaddiema. Dawn ukoll se jkomplu jsiru bħala miżura preventiva.

Is-sitwazzjoni fid-djar tal-anzjani

Skont il-Ministeru tas-Saħħa, mill-31 każ imħabbrin ilbieraħ, instabu tliet każijiet ġo Casa San Paolo f’San Pawl il-Baħar. Madankollu, Care Malta kitbet fuq Facebook li dan mhux minnu u li l-Ministeru tas-Saħħa mhuwiex aġġornat.

Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi lill-Ministeru għal kjarifika iżda għadu ma rċeviex tweġiba.

Waħda mid-djar tal-anzjani li ntlaqtu l-agħar mill-Covid-19 hija Dar San Ġużepp fil-Fgura. Skont statistika ppubblikata mir-residenza stess ftit jiem ilu, kien hemm 113-il każ fid-dar fost il-278 resident. Id-Dar qalet li l-maġġoranza tal-każijiet huma bla sintomi.

Minkejja dawn iċ-ċifri allarmanti, jidher li fl-aħħar jiem kien hemm 33 persuna li fiequ. Newsbook.com.mt talab lill-Ministeru tas-Saħħa għal konferma ta’ dan u dettalji fuq il-persuni li fiequ, imma għadu ma rċeviex tweġiba.

Illum Malta kellha l-31 mewta bil-coronavirus, li kienet dik ta’ anzjana ta’ 92 sena li kienet residenta f’dar tal-anzjani. Hija mietet mal-lejl u kellha kundizzjonijiet ta’ saħħa oħra apparti l-virus.