Dar Merħba Bik b’faċiltajiet ġodda ta’ terapija

Dar Merħba Bik kabbret is-servizzi li toffri, hekk kif ġie inawgurat bini ġdid li joffri t-terapija, iffinanzjat mill-Fond għall-Organizzazzjonijiet Volontarji fi ħdan il-Malta Community Chest Funf Foundation (MCCFF).
Din il-faċilità ġiet inawgurata mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, u se tkun mgħammra b’żewġt ikmamar għall-counselling, b’waħda minnhom tkun iddedikata kollha kemm hi għat-tfal.
Dawn il-kmamar se jintużaw minn persuni u professjonisti li diġà jattendu wieħed mill-korsijiet jew jużaw xi faċiltajiet tad-dar.
Barra minn hekk, il-binja l-ġdida f’Dar Merħba Bik għandha dħul li huwa aċċessibbli għal kulħadd.
Fid-diskors tagħha, il-President qalet li l-kamra tat-tfal turi l-impenn tad-dar sabiex it-tfal iħossuhom milqugħa u inklużi.
Irringrazzjat lil Dar Merħba Bik tas-servizzi li toffri sabiex kulħadd iħossu aktar sigur, maħbub, aċċettat u protett, kwalitajiet bżonnjużi tant meta dak li jkun ikun għaddej minn terapija.
Intant, minn ċifri ppreżentati fil-Parlament fi Frar, is-sena l-oħra l-maġġoranza tal-vittmi li rrappurtaw lill-Pulizija dwar abbuż, 577 sofrew minn dannu psikoloġiku u 579 uġigħ fiżiku.