Binja kollha għall-istudenti inawgurata fuq il-kampus tal-MCAST

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, inawgura Dar l-Istudenti, parti mill-proġett tal-Campus tal-MCAST.
L-għan ta’ din id-dar huwa li sservi bħala spazju fejn l-istudenti jiltaqgħu u jiżvillupaw relazzjonijiet, jiffurmaw għaqdiet u jorganizzaw attivitajiet kulturali, soċjali, edukattivi u politiċi.
Id-dar hija mibnija fuq 4,200 metru kwadru u mqassma f'erba' sulari. Fiha diversi riżorsi u apparat li l-istudenti jkollhom bżonn.
Apparti dan, biswit id-dar, se jkunu inawgurati wkoll faċilitajiet tal-isport u parkeġġ ta’ 600 karozza.
Fis-sular ta’ isfel se jkun hemm Youth Hub, immexxi mill-Aġenzija Żgħażagħ, canteen u uffiċċju għall-Kunsill tal-Istudenti apparti sala biex tintuża għal attivitajiet diversi.
It-tieni sular, fost oħrajn, hu ddedikat għall-Uffiċċju Internazzjonali tal-MCAST u anke l-amminstrazzjoni tal-korsijiet part-time . Hawn se jkunu offruti wkoll korsijiet vokazzjonali għall-persuni b’diżabilità intelletwali.
Fit-tielet sular se jkun hemm uffiċji għall-counselling, pariri fuq karrieri u student liaison services.