“Dar Bjorn qed jibniha l-poplu Malti biċċa biċċa” – Bjorn

Propju qabel il-kunċert karitattiv ta’ nhar l-Erbgħa li ġej, Bjorn Formosa, il-moħħ wara ALS Malta, tkellem fuq 103 Malta’s Heart fejn qal li Dar Bjorn qed jibniha l-popli Malti biċċa biċċa.

L-għaqda ALS Malta u l-proġetti ta’ Dar Bjorn huma speċifikament għal persuni li jsofru mill-Amyotrophic lateral sclerosis (ALS) li hija marda li taffettwa nervaturi fil-moħħ u fl-ispina tad-dahar li jikkontrollaw il-movimenti muskolari volontarji.

Hu u jiġi intervistat minn Colin Fitz u Massimilliana De Martino waqt il-Mid Morning Mag, Formosa qal li jinsab eċitat ferm għall-kunċert li se jkun qed isir nhar l-Erbgħa 4 ta’ Settembru fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta. Dan il-kunċert se jservi sabiex jinġabru fondi għall-bini ta’ dar ġdida ta’ Dar Bjorn. Qal li filwaqt li l-kunċert huwa b’xejn, kull min jattendi qed jintalab jagħti donazzjoni kemm jiflaħ għal din id-dar.

Aqra: €18,320 għal Dar Bjorn minn donazzjonijiet waqt kunċert

Formosa spjega li s-sena li għaddiet infetħet l-ewwel Dar Bjorn, iżda din mhix biżżejjed. B’hekk qed isir ix-xogħol fuq Dar Bjorn ġdida li se tkun tista’ takkomoda ħafna mill-problemi newroloġiċi li hawn fil-pajjiż. Qal li x-xogħol ta’ kostruzzjoni mistenni jibda f’Ottubru li ġej, filwaqt li l-iskop huwa li lejn it-tmien tal-2020, id-dar tibda tilqa’ l-ewwel persuni fi ħdanha.

Min-naħa tiegħu, l-istation manager ta’ 103 Malta’s Heart, Arthur Caruana qal li l-istazzjon tar-radju huwa l-istazzjon uffiċjali għal dan l-avveniment fejn anke numru mill-preżentaturi tiegħu se jkunu qed jippreżentaw lill-għexieren ta’ kantanti u mużiċisti li se jipparteċipaw f’dan il-kunċert.

Waqt il-programm kien hemm preżenti żewġ kantanti li se jipparteċipaw fil-kunċert, Nadine Axisa u Janvil. Janvil qal li jinsab onorat li se jkollu ċ-ċans jipparteċipa f’dan il-kunċert, filwaqt li min-naħa tagħha Axisa ħeġġet lill-pubbliku sabiex jattendi u jkun ġeneruż, filwaqt li jieħu pjaċir bil-mużika.

Aqra: Filmat: Artisti u mużiċisti jingħaqdu għal kunċert b’risq Dar Bjorn

Bjorn temm l-intervista b’appell għall-poplu kollu sabiex nhar l-4 ta’ Settembru, fis-7pm, jerħilha lejn Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta fejn se jkun hemm varjetà kbira ta’ mużika pprovduta minn dak li sejjaħlu l-aqwa talent lokali, filwaqt li tingħata l-għajnuna lil dawk li għandhom bżonn.

Il-Versatile Brass għal darb’oħra se tkun qed tingħaqad mal-ALS għal dan il-kunċert. The Travellers, Ira Losco, Red Electrick, Big Band Brothers, Pamela Bezzina, Glen Vella, Martina Borg, Christabelle, Brooke Borg, Kevin Paul Calleja, Janice Mangion, Amber, Christian Arding, Nadine Axisa, Mike Spiteri, Gloriana Arpa Belli, Ozzy Lino, Harpist Jacob Portelli, Angela Tirchett u Cherylis Camilleri huma fost l-artisti li s’issa tħabbru li se jkunu qed jagħti sehimhom f’dan il-kunċert.