Daqt toħroġ Google Maps App fuq iOS

Google qalu li qegħdin jaħdmu fuq app tal-Google Maps għall-iPhone, iPad u iPod touch. Google Maps hija l-mappa li għandhom Google online, li hija magħrufa bħala waħda mill-iktar mapep diġitali popolari u preċiża fuq it-toroq, negozji u direzzjonijiet anke għal Malta.

Google Maps kienet il-mappa tal-iPhone mill-ewwel iPhone li ħareġ, pero’ matul iż-żminijiet, intqal li Google bdiet tħalli karatteristiċi importanti barra mill-iPhone waqt li kienet qed iżżidhom fuq il-mapep tas-sistema tagħha, Android. Intqal li dik kienet ir-raġuni ewlenijja għaliex Apple iddeċidiet li tneħħi Google Maps mis-sistema tagħha u toħloq il-mapep hi flimkien ma’ TomTom u diversi servizzi oħra. B’hekk setgħu jikkontrollaw il-karatteristiċi li jiġu mibnija fuq il-mapep tal-iOS.

Dan seħħ mill-aħħar verżjoni tal-iOS li tiġi iOS6. Min dakinhar, Google bdiet tagħtina x’nifhmu li bdiet taħdem fuq verżjoni ta’ Google Maps għall-iOS.

Issa Google qalet li Google Maps għall-iOS qed tasal fl-aħħar irtokki u għandha tkun disponibbli fuq l-App Store dalwaqt flimkien ma’ ħafna servizzi ta’ mapep oħra.

Waqt li qegħdin nistennew Google ilestu l-mapep tagħhom għall-App Store, Nokia ħabbret li għadha kif ħarġet verżjoni għal mapep tagħha fuq l-App Store ukoll. Din l-app tinstab fuq l-App Store taħt l-isem HERE Maps.

Sadattant, għal min jippreferi juża Google Maps, wieħed jista’ jaċċessa dan is-servizz mis-sit xorta waħda billi jżur http://maps.google.com

Artiklu miktub minn Vioside – www.facebook.com/vioside