Filmat: “Illum niċċelebraw l-ogħla punt fl-evoluzzjoni tal-umanità” – l-Arċisqof

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=lBv68l8IpBY]

L-Arċisqof Charles Scicluna ddeskriva l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù bħala l-ogħla punt fl-evoluzzjoni tal-umanità.
Waqt il-Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej, Mons Scicluna fakkar fl-ewwel omelija tal-Papa Emeritu, Benedittu XVI, f'Jum l-Għid, kif ukoll poġġa kemm-il darba l-mistoqsija "Imma l-qawmien xi jfisser?" lill-pubbliku miġbur quddiemu.
Dan filwaqt li kkwota siltiet mill-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni, meta Ġesù tela’ fuq il-muntanja Tabor ma’ Pietru, Ġwanni u ħuh. Huma u neżlin lura dakinhar, anki dawn saqsew f’qalbhom il-mistoqsija li llum l-Arċisqof saqsa lill-pubbliku.
Għalhekk, kompla Mons Scicluna, din hija anki mistoqsija leġittima tagħna.
Huwa uża kliem meħud mid-dinja tax-xjenza evoluttiva, sabiex ifisser il-qawmien mill-imwiet. Fost l-oħrajn, enfasizza li bil-qawmien mill-imwiet, Ġesù rebaħ il-limiti ta’ żmien u spazju li jagħlqu lill-ħajja, u fetaħ għaliha orizzonti eterni, dejjiema.
Tenna kliem Benedittu XVI, meta qal li bis-saħħa ta’ dan l-att ta’ mħabba, Kristu sawwar relazzjoni eżistenzjali ma’ Alla, billi kisser is-sustanza fiżika ta’ ġismu u ħoloq dinja oħra spiitwali li tisboq lill-mewt.
Sostna li dan naraw bis-simboliżmu tal-ħobż u l-inbid li jinbidlu fil-ġisem u d-demm ta’ Ġesù kull darba li tiġi ċċelebrata quddiesa.
Finalment, l-Arċisqof, qal li l-Għid mhuwiex jum fl-istorja tagħna, iżda tiġdid li qed iseħħ il-ħin kollu, qabża kontinwa f’dimensjoni li hija l-ħajja ta’ dejjem. Din il-qabża urihielna Ġesù bil-mutazzjoni tiegħu minn ġisem għal spirtu.
Temm jgħid li din hija l-fehma tal-qawmien mill-imwiet, kif ukoll l-istedina ta’ Alla sabiex nimxu fuq il-passi ta’ ibnu, u nħalluh ikun l-għatba tagħna għall-ħajja ta’ dejjem. 
Ritratti: Ian Noel Pace