Daqt ikollna l-ewwel Kċina tas-Soppa f’Malta

Hemm pjanijiet biex f’Malta tinfetaħ l-ewwel Kċina tas-Soppa jew inkella “Soup Kitchen” li tipprovdi ikel lill-foqra.
Din hija waħda mill-inizjattivi li se jittieħdu mill-Fondazzjoni Alfred Mizzi fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twaqqif tal-kumpanija Alf Mizzi and Sons Ltd.
Il-kunċett wara “Soup Kitchen” huwa li jingħata ikel bi prezz irħis ferm lill-persuni foqra.
Ħafna drabi dawn ikunu jinsabu f’żoni fejn ikun hemm familji bi problemi soċjali u jitmexxa minn għaqdiet volontarji.
Fiduċjarju tal-Fondazzjoni Julian Sammut qal li l-grupp irid ifakkar dan l-anniversarju b’għadd ta’ proġetti li jgħinu lis-soċjetà Maltija fl-oqsma tas-Solidarjetà Soċjali, Edukazzjoni u Wirt Nazzjonali.
Tħabbar li minbarra s-“Soup Kitchen”, se jitnedew proġetti oħra fosthom il-bini mill-ġdid tat-Torri tal-Arloġġ fil-Birgu, kif ukoll studju dwar id-dijabete u l-obeżità fil-gżejjer Maltin.

Reazzjoni Alleanza Kontra l-Faqar
L-Alleanza Kontra l-Faqar laqgħet l-aħbar li The Alfred Mizzi Foundation qed tikkunsidra tieħu l-inizjattiva biex f’Malta tinfetaħ kċina li titma’ lill-fqar.
Qalet li kull pass li jittieħed b’xi mod jgħin lil dawk li għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji u li mhux sew li jkun hemm min jipprova jimminimizza din l-inizjattiva għax tħammrilna wiċċna mal-barranin.
Sostniet li jekk hemm xi ħaġa minn xiex nistħu hi s-sitwazzjoni preżenti fejn iktar minn 100,000 jinstabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, bil-biċċa l-kbira tagħhom tfal u anzjani.