Daqshekk xarbiet sħan fuq il-Gozo Channel; lesti t-termos

Jekk bi ħsiebek tivjaġġa bil-Gozo Channel, minn għada jaqbillek tibda tieħu miegħek termos kafè jew te, hekk kif daħlet fis-seħħ direttiva li ma jisserviex xorb sħun.
Fi stqarrija l-UĦM Voice of the Workers insistiet li l-membri tagħha li jaħdmu bħala cafeteria attendants fuq il-vapuri tal-Gozo Channel qed jingħataw xiftijiet b’ħinijiet li huma ta’ detriment għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.
Il-Unjin spjegat kif ilha għal dawn l-aħħar xhur tikkomunika mal-kuntrattur, kif ukoll mal-Gozo Channel. Madanakollu tgħid li t-tqassim tal-ħinijiet baqa’ sejjer għall-agħar.
Semmiet kif hemm ċertu xiftijiet li jirrikjedu żewġ ħaddiema flimkien biex ilaħħqu max-xogħol, għaldaqstant bosta mill-ħaddiema ġew skedati sabiex jaqdu dmirijiethom waħedhom. Oħrajn jinsistu li qed jintalbu jaħdmu tlett iljieli fuq xulxin u wara ma jingħatawx ġurnata serħan.
Il-UĦM qalet li se tkompli bid-direttivi tagħha sakemm isiru l-arranġamenti neċessarji fil-ħinijiet tax-xogħol.