Daqshekk viżitaturi fl-isptar Monte Carmeli

Miguela Xuereb

Il-Gvern ħabbar li qed iwaqqaf immedjatament il-viżitaturi milli jżuru lill-pazjenti fl-isptar Monte Carmeli.

F’dan l-isptar hemm seba’ pazjenti li nstabu pożittivi bil-Covid-19 fl-aħħar sigħat li qed jinżammu f’iżolament. Il-kundizzjoni tagħhom hija waħda stabbli. Il-kumplament tal-pazjenti tas-sala San Ġorġ Preca  jinsabu fi kwarantina.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li tlieta mill-każijiet pożittivi f’dan l-isptar iddaħħlu fl-Isptar Mater Dei iżda wara li ġew eżaminati ġew iċċertifikati li jistgħu jkomplu jirċievu l-kura f’Monte Carmeli.

L-Amministrazzjoni tal-Isptar Monte Carmeli avżat lill-pubbliku li qed jittieħdu l-passi preventivi kollha biex tiġi assigurata s-sigurtà għar-residenti f’dan l-isptar.

Fi stqarrija tad-Deputati Prim Ministru Chris Fearne ntqal ukoll li l-istaff li kien xogħol f’din is-sala wkoll tpoġġa fi kwarantina, u s-sitwazzjoni tagħhom se tibqa’ tkun osservata matul il-ġranet li ġejjin.

Illum ġew irreġistrati 49 każ pożittiv minn numru rekord ta’ swab test għaliex saru 2,200.