Daqshekk viżitaturi fl-Isptar Mater Dei

Miguela Xuereb

L-Isptar Mater Dei waqqaf il-viżitaturi milli jżuru lill-morda f’dan l-isptar. Il-miżura hija temporanja u ma tapplikax għal dawk li jżuru lit-tfal jew “f’sitwazzjonijiet oħra straordinarji”.

Din l-aħbar ġiet ikkomunikata tard l-Erbgħa filgħaxija wara li aktar kmieni d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li mietet l-ewwel pazjenta bil-coronavirus. Hija kienet rikoverata fir-Residenza Sant’Anna fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

L-Isptar Mater Dei qal li s-saħħa u s-sigurtà tal-pazjenti huma prijorità ewlenija u kien għalhekk li ttieħdet din il-miżura drastika bħala parti mill-miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll kontra l-Covid-19.

L-Isptar qal li r-restrizzjonijiet jistgħu jkunu diffiċli kemm għall-pazjent kif ukoll ghall-maħbubin tagħhom, iżda huma meħtieġa biex jipproteġu lill-pazjenti u lill-ħaddiema tiegħu. Intqal ukoll li dwar it-tfal u każijiet straordinarji l-istaff se jkun qed jinforma lill-qraba skont il-ħtiega.

Ilbieraħ, il-Ministru Chris Fearne ħabbar ukoll li fiequ 11-il persuna oħra mill-coronavirus f’Malta, biex it-total issa huwa dak ta’ 16-il persuna mfejqa.