Daqshekk użu ta’ flus pubbliċi għall-Facebook tal-ministri – Kummissarju għall-Istandards

Aġġornat 07:57 AM
DOI - Jason Borg

Read in English.

Il-Kummissarju għall-Istandards qal li l-ministri mhux se jibqgħu jużaw riżorsi pubbliċi biex jipproduċu materjal għall-paġni personali tagħhom fil-midja soċjali.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab li diversi ministri qed jużaw riżorsi pubbliċi biex jiġġeneraw materjal għall-paġni personali tagħhom fuq Facebook u midja soċjali oħra. Il-Kummissarju kkonkluda li dan huwa abbuż għax il-ministri konċernati qed jużaw riżorsi pubbliċi biex jgħollu l-profil personali u politiku tagħhom.

Il-Kummissarju qal li materjal iġġenerat bl-użu ta’ riżorsi pubbliċi għandu jittella’ fuq siti uffiċjali. Wara li jiġi ppubblikat b’dal-mod, il-materjal jista’ jiġi mxandar (shared) mill-paġna personali ta’ ministru. Biss, m’għandhomx jintużaw riżorsi pubbliċi fil-produzzjoni ta’ materjal li se jittella’ direttament fuq il-paġna personali ta’ ministru.

Din l-investigazzjoni skattat fuq talba minn Christian Peregin li huwa l-Kap Eżekuttiv tas-sit Lovin Malta. Skont il-Kummissarju l-Gvern aċċetta li l-ministri għandhom jimxu mal-linji gwida li ħareġ.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ minn hawn.

Roddu lura l-flus li sraqtu – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministri Laburisti għandhom jħallsu lura l-flus li nefqu.

Il-PN qal li ma fadal l-ebda distinzjoni bejn il-PL u l-Gvern tant li fondi pubbliċi qegħdin jintużaw f’reklamar għall-politiċi Laburisti fuq il-media soċjali.

Il-PN qal ukoll li jistenna li l-Pulizija tinvestiga dan l-abbuż ta’ fondi pubbliċi mingħajr dewmien.

Inaċċettabbli; roddu lura l-flus bl-interessi – Cassola

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola tenna dak li qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, meta ħeġġeġ lill-Ministri Ian Borg, Aaron Farrugia, Silvio Schembri u Edward Scicluna sabiex iroddu lura l-flus li użaw minn bwiet il-Maltin, bl-interessi.

Huwa qal li dan l-abbuż mhuwiex aċċettabbli, speċjalment meta ġej mingħand nies li suppost qegħdin jagħtu eżempju. Skontu, huwa partikolarment inkwetanti li l-Ministru tal-Finanzi huwa involut, peress li dan suppost iħares il-finanzi tal-pajjiż.

Rappurtaġġ addizzjonali: Sephora Francalanza