Daqshekk tweets mingħand Trump?

L-amministrazzjoni tal-President Amerikan Donald Trump qed tikkunsidra li tiprojbixxi l-użu tal-mowbajls personali tal-ħaddiema li jaħdmu fil-White House.
Skont is-sit Bloomberg l-istess amministrazzjoni ilha mifnija bi żvelar illegali tal-informazzjoni mill-bidu nett, tant li l-eks Segretarju tal-Komunikazzjoni Sean Spicer kien allegatament qed jorganizza spezzjonijiet mhux pjanati tat-telefowns fil-White House.
Dan wassal biex l-impjegati tal-White House spiċċaw jużaw apps kriptjati bħal Whatsapp.
Fid-dawl tal-iżvelar ta’ informazzjoni klassifikata mal-midja taħt dawn iċ-ċirkustanzi l-amministrazzjoni qed tikkunsidra biex fil-White House ikun projbit l-użu tal-mowbajls personali.
Persuna li tkellmet ma’ Bloomberg qalet li dawn se jkunu projbiti wkoll għal raġunijiet biex tiżdied is-cybersecurity peress li mowbajls personali mhumiex siguri daqs it-telefowns tal-White House.
Jekk l-impjegati tal-White House, inkluż dawk eżekuttivi, ma jkunux jistgħu jużaw il-mowbajls tagħhom fuq ix-xogħol, tgħid Donald Trump ma jibqax jikteb ta’ spiss fuq Twitter?