Daqshekk telf mill-midja tal-PN sal-2021 – Arrigo

Robert Arrigo jgħid li l-PN għamel profitt

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo qal li sas-sena d-dieħla l-midja tal-PN mhix se tibqa’ tagħmel telf. Huwa qal dan f’post fuq Facebook fejn qal li l-midja kienet qed tagħmel telf ta’ €1 miljun fis-sena. Stqarr li dan ma kienx aċċettabbli u mhux se jkun hemm telf sal-2021 mingħajr ma jkunu nbiegħu l-ebda assi.

Fuq Facebook Arrigo qal ukoll li l-partit hu mgħoni bl-assi li għandu fejn stqarr li t-total ta’ assi jlaħħaq is-somma ta’ €36 miljun. Huwa qal li minkejja li fl-aħħar 30 xahar il-partit kellu jħassar żewġ maratoni li minnhom seta’ jiġbor madwar nofs miljun Ewro, il-PN issa għandu l-kotba tiegħu awditjati pubblikament u juru profitt.

Sal-2018, fl-aħħar rapport finanzjarju ppubblikat mill-Uffiċċju Elettorali, il-Partit Nazzjonalista ddikjara li kellu deficit ta’ kważi €706,000.

Dwar l-iskema ċedoli, Arrigo qal li l-flus tan-nies ġew investiti b’mod għaqli. Spjega li sa issa hemm mal-500 kuntratt li qed jiġu msarfa b’rata ta’ 4% fis-sena.

Stqarr li fi żmien ta’ paċi, jkun hemm aktar xogħol u stqarr li b’hekk il-PN ikun aktar b’saħħtu. Dan b’referenza għaż-żmien ta’ diviżjoni u kriżi fil-PN. Huwa qal li ried jagħmel dawn iċ-ċifri pubbliċi minħabba li kien hemm minn għall-gost kien jagħti informazzjoni żbaljata dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista llum qed jorganizza l-maratona ġbir ta’ fondi.