Pub crawls u happy hours ipprojbiti fil-Gżejjer Baleariċi

REUTERS/Enrique Calvo/File Photo

Il-Gżejjer Baleariċi fi Spanja pprojbew pub crawls u happy hours fi tliet postijiet fejn iħobbu jmorru t-turisti.

Din il-miżura daħlet fis-seħħ illum, peress li qed jittieħdu miżuri biex jonqsu t-turisti li jżuru l-gżejjer bl-iskop li jixorbu ammont eċċessiv ta’ alkoħol u jiksru.

Apparti dan, vending machines tal-alkoħol, dgħajjes biex isiru l-parties, bars b’xejn u riklami għal xorb alkoħoliku wkoll ġew ipprojbiti fi Playa de Palma u Magaluf f’Mallorca u anke f’Sant Antoni f’Ibiża.

It-turisti mhux se jitħallew jixtru alkoħol f’dawk il-postijiet bejn id-9pm u t-8am.

Ir-regolamenti l-ġodda ma jippermettux dak li jissejjaħ “balconing” li huwa meta xi ħadd jaqbeż minn ġo gallarija, normalment għal ġo pixxina. Bosta turisti mietu b’dan il-mod tul is-snin. Dawk li jinqabdu jagħmlu dan issa jitkeċċew mil-lukanda u jistgħu jeħlu multa li titla’ sa €60,000.

Iago Neguerela, l-Uffiċjal Reġjonali għall-Ekonomija u t-Turiżmu, qal li b’dawn ir-regolamenti, il-Gżejjer Baleariċi saru l-ewwel destinazzjoni Ewropea li qed tiġġieled kontra turiżmu bbażat fuq xorb bla rażan.

Xi sidien ta’ negozji huma mħassbin dwar dawn ir-regolamenti għax qed jibżgħu li n-negozji tagħhom se jsofru.