Daqshekk pestiċidi u fertiliżanti fil-Ġonna tal-Vatikan

Il-Ġonna tal-Vatikan miżmuma b'kura kbira

Il-ġimgħa li għaddiet “l’Osservstore Romano” li hi l-gazzetta uffiċjali tal-Vatikan, faħħret il-bidla li saret fil-ġonna tal-Vatikan li qalet saru “ruħ bioloġika”.

F’dawn il-ġonna li jikkonsisti fi 15-il ettaru ta’ ġonna kienu eliminati għal kollox l-użu ta’ pestiċidi kimiċi u fertilizzabnti.

Rafael Tornini, Kap tad-Dipartiment tal-Ambjent tal-Vatikan li hu responsabbli għal dawn il-ġonna, qalu li fl-2015 bdew inizjattiva biex iwaqqfu l-użu tal-pestiċidi u din kienet rinforzata fl-2017 bl-Enċiklika “Laudato Si” tal-Papa Franġisku.  Minn dakinhar ‘l hawn 96% tal-art ta’ dawn il-ġonna hi ħielsa mill-pestiċidi u l-fetilizzanti.

Huwa qal li l-prinċipju li jispira dan il-proġett hu li jissaħħu d-difiżi tal-flora minflok ma ssir ħidma kontra l-għedewwa tal-flora.  Meta ġjanta hi b’saħħitha, kapaċi tiddefendi lilha nfisha mill-parassiti permezz ta’ fertiliżazzjoni aħjar, żabra b’attenzjoni u tisqija tajba.

Ebda użu ta’ pestiċidi

Madwar 200 siġra li hemm f’dawn il-ġonna kienu  mħawwla u s-sena d-dieħla se jitħawwlu madwar 100 siġra oħra. Se jinżergħu wkoll madwar wlf pjanta ġdida biex jinbidlu ma’ dawk morda.

Il-pjan jinkludi l-introduzzjoni ta’ insetti li jieklu l-mard tal-pjanti flimkien ma’ pjanti aromatiċi li jiġbduhom, biex ikun kontrollat aktar il-mard fil-pjanti.  Il-ġardinara qed jagħtu prijorità lil pjanti li sparixxew fl-aħħar snin.  Tpoġġiet ukoll sistema ġdida ta’ irrigazzjoni li permezz tagħha kien iffrankat 60% tal-ilma li kien użat sal-2010.

Wara l-famuża Grotta ta’ Lourdes li hemm f’dawn il-ġonna hemm qsari kbar tat-terracotta li jixhdu l-istorja tal-Istat tal-Vatikan: kull waħda minnhom għandha l-istemma tal-Papiet minn Piju XII sa Papa Franġisku u fihom pjanti li nżergħu f’kull pontifikat.

Permezz ta’ dan il-proġett il-Ġonna tal-Vatikan qed isiru “qalb ħadra żgħira fil-qalba tal-belt fejn il-flora u l-fauna jgħixu f’armonija u bilanċ”, skont L’Osservatore Romano.