Daqshekk mowbajls u tablets fl-iskejjel Franċiżi

Minn Settembru, l-istudenti fl-iskejjel Franċiżi ma jistgħux jużaw iktar smartphones jew tablets fil-klassi. Dan wara li din il-ġimgħa għaddiet liġi li se tgħodd għall-istudenti kollha ta’ taħt il-15 il-sena.

Il-liġi kienet imwegħda mill-President Emmanuel Macron imma l-Oppożizzjoni ikkritikata bħala stunt għall-pubbliċità li mhi se tbiddel xejn fil-ħajja ta’ kuljum.

Skont il-liġi l-ġdida, l-apparat kollu mqabbad mal-internet għandu jitħalla d-dar jew inkella jinżamm mitfi sa tmiem il-ġurnata. L-iskejjel jistgħu jagħmlu eċċezzjoni meta l-ismartphone jew it-tablet ikunu meħtieġa għat-tagħlim fil-klassi jew fil-każ ta’ tfal b’diżabitilità.

Liġi li ddaħlet fl-2010 diġà kienet twaqqaf l-użu tal-ismartphones fil-klassijiet. Iżda l-Ministru tal-Edukazzjoni Franċiż spjega li dik il-liġi kienet bla snien, filwaqt li l-liġi l-ġdida “tressaq lil Franza għal seklu ġdid.”

Fi Franza, kważi disa minn kull għaxar żagħżugħ Franċiż, ta’ bejn it-13 u s-17 il-sena, għandom smartphone.