Kriżi umanitarja “kbira” f’Mexico City

Il-kleru f’Mexico City tenna t-twissija li se jkun hemm kriżi umanitarja kbira hekk kif kwestjoni dwar territorju wasslet biex madwar 5000 Tzotzil indiġenu kellhom jitilqu minn arthom u l-komunità tagħhom u jaħarbu lejn il-muntanji fil-ksieħ u kundizzjonijiet mill-agħar li diġà ħallew numru ta’ nies mejta.
S’issa diġà mietu disa’ persuni minn dawl li kellhom jaħarbu minn djarhom. Fr. Marcelo Perez, saċerdot li qed jassisti lil dawn it-Tzotil maħruba, qal li fost il-mejta hemm tarbija tat-twelid, żewġt itfal ta anqas minn sentjen u numru ta’ anzjani ta’ aktar minn 70 sena. 
Hu staqsa x’Milied se jgħaddu dawn l-imsejkna. Dawn ukoll huma ulied Alla. Huma persuni umani u għandhom dritt jgħixu.
Il-kunflitt fiz-zona tac-Chiapas beda fl-1973 meta ttieħdet deċiżjoni mis-Segretarjat għar-Riforma Agrarja tal-Messiku li stabbilixxa l-konfini bejn il-muniċipalitajiet taċ-Chiapas, iċ-Chenlahom u ċ-Chalchihuitan. 
Iċ-Chenalho ma aċċettawx din id-deċiżjoni u beda l-inkwiet li ilu sejjer is-snin. L-aħħar ġlieda qamet f’Novembru li għadda meta nies mill-villaġġi taċ-Chalchihuitan tkeċċew minn arthom.
Il-Caritas fid-Djoċesi ta San Cristobal qed titlob għal provvisti ta’ ikel, mediċini u tined iżda l-isforzi tagħhom kienu mfixkla minn imblokk fit-toroq minn gruppi armati f’Chenalho.
L-Isqof Felipe Arizmendi Esquivel ta’ San Cristobal u Fr Gonzalo Ituarte Verduzco, Vigarju Djoċesan qalu li l-kriżi umanitarja qed tikber ma’ kull ġurnata li tgħaddi għax il-provvisti ma jistgħu jaslu fejn huma meħtieġa minħabba li t-tliet rotot prinċipali li jwasslu għal Chalchihuitan huma mblukkati. Ma dawn in-nuqqasijiet essenzjali wieħed irid iżid ukoll l-effetti tal-kesħa u x-xita fuq dawn in-nies.
“Grupp armat li donnu ħadd ma’ jista’ għalih qed jassedja l-muniċipalità ta’ Chalchihuitan u ma nistgħux nifhmu kif l-istat u l-awtoritajiet federali qed iħallu kollox għaddej”, qalu l-Isqfijiet.
Fi stqarrija, id-djoċesi sejħet lill-Gvern fil-lielli kollha tiegħu biex isib “soluzzjoni integrali għax issa l-kunflitt hu aggravat ħafna aktar minn konflitti tal-imgħoddi għax hemm imdaħħla gruppi armati”.