Daqshekk immigranti reqdin barra bil-lejl fil-Belt Valletta

Mil-lum l-immigranti irregolari li jridu japplikaw għall-permess ta’ residenza, jistgħu jagħmlu dan fl-uffiċċju ġdid fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.  L-uffiċċju se jkun miftuħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa  bejn it-8.30am u s-2pm.
Dan wara li aktar kmieni dan ix-xahar Newsbook.com.mt irrapporta li kull ġimgħa, bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, madwar 300 immigrant kienu qed iqattgħu l-lejl reqdin barra quddiem id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza fil-Belt Valletta.
L-uffiċċju kien jiftaħ il-Ġimgħa filgħodu biss u skont l-Assoċjazzjoni tal-Midja Afrikana f’Malta ma kinux jinqdew iktar minn 30 persuna.  Dan bil-konsegwenza li min jibqa’ bla permess ta’ residenza ma jkunx eliġibbli għall-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali.
Fil-11 ta’ Jannar, il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela kien qal li se jinfetaħ dan l-uffiċċju ġdid u li se jkun amministrat minn Identity Malta.
Il-Ministru Abela kien ikkundanna l-fatt li 300 immigranti kienu qed jispiċċaw jorqdu barra l-uffiċini tad-Dipartiment fil-Belt.  Dakinhar il-Ministru kien spjega li riċentament kien hemm żieda f’dawn l-applikazzjonijiet, minħabba li l-permessi antiki kienu ppubblikati kollha fl-istess ġurnata, u b’hekk l-applikanti qed imorru jġeddu l-permess fl-istess żmien.
Il-Gvern illum qal li dan l-uffiċċju l-ġdid huwa parti minn xogħol kontinwu bil-għan li tiżdied l-effiċjenza u jitjieb is-servizz offrut lil dawn il-persuni.
Dawk li jissottomettu applikazzjonijiet f’dan l-uffiċċju se jingħataw irċevuta dak il-ħin stess bħala dokument temporanju ta’ residenza.
Ritratt: Ahmed Somali