Daqshekk il-Phantom Of The Opera

Read in English.

The Phantom Of The Opera, waħda mill-akbar attrazzjonijiet tal-West End, ngħalqet għal kollox minħabba l-coronavirus. Minn meta saret l-ewwel rappreżentazzjoni tagħha fl-1986 s’issa kienu saru aktar minn 12,000 wirja tal-musical ta’ Andrew Lloyd Webber.

Il-produttur Sir Cameron Mackintosh ikkritika lill-Gvern Ingliż billi qal li l-pakkett ta’ salvataġġ ta’ £1.57 biljun għall-arti naqas milli jimmaterjalizza.

Sir Cameron kiteb fil-ġurnal The Evening Standard: “Mingħajr pjan għal waqt din il-kriżi, matul il-ġimgħa li għaddiet kelli nnaqqas b’mod orribbli l-organizzazzjoni tiegħi biex niżgura li l-kumpanija tiegħi ma tmutx.”

Sir Cameron qal li kien “determinat li jerġa’ jġib The Phantom of the Opera  f’Londra fil-futur” u Lord Lloyd Webber kiteb fuq Twitter: “Se nagħmel minn kollox biex The Phantom terġa’ tinfetaħ mill-aktar fis possibbli.”

Il-ġimgħa li għaddiet kien hemm wirja miżmuma f’distanza soċjali fejn Beverley Knight ħadet il-parti prinċipali fil-London Palladium b’uffiċjali tas-Saħħa Pubblika jaraw li kollox jimxi mar-regoli.   Il-membri tal-udjenza kienu bilqiegħda, kellhom jilbsu maskri u ringieli sħaħ tħallew vojta.

Lloyd Webber wara stqarr li d-dehra kienet tassew ta’ swiet il-qalb, finanzjarjament mhux tajba  u “miżerja għall-artisti”.