Daqshekk helmet fuq pedelec; Inizjattivi ġodda favur iċ-ċiklisti

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, ħabbru għadd ta’ inizjattivi bil-għan li jiżdied iċ-ċikliżmu bħala mezz alternattiv ta’ trasport.
Fost dawn se jitneħħa l-obbligu li persuna tilbes helmet meta tikri pedelec. Minkejja dan il-Ministru Borg saħaq li kemm il-Ministeru u anke Transport Malta se jibqgħu jinkoraġġixxu liċ-ċiklisti biex jilbsu l-helmet.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Grupp taċ-Ċiklisti (BAG) qal li jaqbel ma’ din l-inizjattiva għax fi kliemu ma hemmx ħafna differenza bejn rota u pedelec. Qal li dan se jkun qed jinvolvi inqas spejjeż u għalhekk aktar persuni jiddeċiedu li jużaw rota jew pedelec.
Minkejja dan, bħall-Ministeru u Transport Malta, xorta appella biex fejn possibbli, iċ-ċiklisti jilbsu l-helmet.
Waqt konferenza konġunta mal-Kunsill ta’ Ħal Safi, il-Ministru Borg qal li l-Gvern qed jagħmel dak kollu possibbli biex ikunu ntrodotti karreġġjati għaċ-ċiklisti kemm fil-Kappara u anke fil-Junction tal-Marsa.
Fakkar ukoll li l-Gvern qed jinċentiva lil dawk li jixtru pedelec jew mutur. 250 persuna jistgħu jingħataw €400.
Ħabbar ukoll li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ diversi proposti ta’ gruppi taċ-ċikliżmu, fosthom mhux se tibqa’ ssir reġistrazzjoni għal dawk li jixtru pedelec jew rota b’mutur ta’ mhux aktar minn 250 watt.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi saħaq li l-Gvern se jkompli jgħin lil dawk il-kumpaniji li jippromovu ċ-ċikliżmu bħala mezz alternattiv kif wieħed jasal ix-xogħol, billi jagħti għajnuna lil dawk il-kumpaniji li jinvestu f’racks tar-roti u anke showers.
Il-Ministeru qed jalloka fond ta’ €150,000 għal dawn l-inizjattivi.
Spjega wkoll li dawk li jixtru rota se jingħataw refund tal-VAT sa €85 u dawk li jixtru pedelec jew rota bil-mutur jingħataw lura sa €250.
Ir-rata tal-VAT fuq il-kiri tar-roti se tonqos minn 18% għal 7%.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi kien fost l-ewwel kunsilli li investa f’numru ta’ racks għar-roti madwar ir-raħal.