Daqshekk fondi għar-refuġjati Palestinjani mill-Istati Uniti

Reuters

L-Istati Uniti waqfet tipprovdi fondi lill-aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda li tgħin refuġjati Palestinjani. Skont Reuters, din id-deċjiżjoni qed tkabbar it-tensjoni bejn it-tmexxijja Palestinjana u l-amministrazzjoni tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.

Kelliem għall-President tal-Palestina Mahmoud Abbas, iddenunċja d-deċiżjoni bħala attakk dirett fuq il-poplu Palestinjan u att ta’ sfida għar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Min-naħa l-oħra kelliema għad-Dipartiment tal-Istat, Heather Nauert qalet li l-mudell ta’ negozjar u l-prattiċi fiskali tal-United Nations Relief and Works Agency (UNRWA) għadhom bosta ineżattezzi u difetti. Għal din ir-raġuni ddeċidew li ma jibqgħux jipprovdu l-fondi. Sostniet li l-aġenzija ma tistax tibqa’ tkabbar il-komunità ta’ benefiċjarji intitolati u insistiet li l-mudell mhux sostenibbli.

Din l-aħbar ġiet ġimgħa wara li l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti qalet li se tkun qed tinvesti $200 miljun ġo fondi li jissapportjaw l-ekonomija Palestinjana fejn jidħlu l-programmi tax-Xatt tal-Punent u ta’ Gaża.

Kelliem għall- United Nations Relief and Works Agency, Chris Gunness, sostna li l-aġenzija tinsab diżappuntata bid-deċiżjoni u wkoll sorpriża hekk kif ftehim ta’ fondi kien għadu kemm ġie mfaħħar mill-Istati Uniti lura f’Diċembru bħala wieħed ta’ suċċess.

Tista’ taqra aktar dwar dan minn hawn.