Daqshekk fliexken tal-plastik fl-iskejjel Franċiżi

Franza qed tipproponi li tipprojbixxi l-fliexken tal-ilma tal-plastik fil-canteens tal-iskejjel mill-2020 hekk kif il-konsumaturi u l-Gvern qed iżidu l-għarfien tagħhom dwar l-impatt li għandu l-plastik li jispiċċa fil-miżbla jew fil-baħar.

Skont ir-Reuters din hija miżura li hija parti mill-leġiżlazzjoni li tinkludi projbizzjoni fuq l-istraws tal-plastik fost affarijiet oħra. Il-leġiżlaturi se jibdew it-tieni qari tal-abbozz tal-liġi fl-Assemblea Nazzjonali għada. Hekk kif il-kumpaniji u d-djar qed jagħtu aktar każ l-ambjent, l-Unjoni Ewropea qed tipproponi projbizzjoni tas-single use plastics.

Oceana, għaqda li taħdem fil-qasam tal-konservazzjoni tal-ibħra, spjegat li biex jitkisser kompletament, flixkun tal-plastik jieħu madwar 450 sena. Fakkret li kull minuta madwar id-dinja jinxtraw miljun flixkun tal-plastik.

Il-Papa Franġisku, li tul is-snin tkellem bis-sħiħ biex tittieħed azzjoni dwar it-tisħin globali, illum għamel sejħa sabiex kulħadd jaħdem flimkien biex titwaqqaf il-ħsara li qed issir lill-oċeani minħabba l-iskart tal-plastik.