“Daqshekk fdajt il-UEFA” – Vera ħarġu l-biljetti għal bejgħ ġurnata qabel il-polza?

Partitarji tal-Liverpool baqgħu mbellħin ilbieraħ hekk kif allegatament fuq is-sit uffiċċjali tar-Roma bdew jinbiegħu l-biljetti għas-semi finali taċ-Champions League, ġurnata qabel ma telgħet il-polza.
Dawn l-allegazzjonijet ġew ippublikati aktar kmieni llum fuq is-sit tal-aħbarijiet Ingliż Express.
Liverpool sabu posthom mal-aħħar erba’ timijiet fiċ-Champions League wara żewġ rebħiet kontra l-Manchester City, filwaqt li Roma rnexxielhom jgħelbu lill-Barcelona f’wirja spettakolari aktar kmieni din il-ġimgħa.
Pero hekk kif iż-żewġ timijiet, flimkien mal-Bayern Munich u Real Madrid, kienu qed jistennew li llum titla’ l-polza biex jaraw liem timijiet se jilgħabu kontra xulxin fis-semi finali, l-klabb tar-Roma jidher li qabeż għal konklużjoni qabel din saret.
Dan hekk kif fuq is-sit uffiċċjali lbieraħ bdew jinbiegħu l-biljetti għal-logħba bejn Liverpool u Roma lill-partitarji tar-Roma.
Id-dati tal-biljetti li kienu qed jinbiegħu kienet tindika li l-biljetti kienu qed jinbiegħu għal-logħba li se ssir nhar it-2 ta’ Mejju, li tinzerta tkun t-tieni logħba tas-semi finali bejn iż-żewġ timijiet.
Għalkemm qabel il-polza ħafna ħasbu li l-klabb tar-Roma kien qed jgħaġġel fil-bejgħ tal-biljetti, illum wara nofsinhar, hekk kif fis-1pm telgħet il-polza u ż-żewġ timijiet filfatt ġew kontra xulxin ħafna esprimew ix-xettiċiżmu għall-ġenwinità tal-UEFA.
Diversi partitarji, sa 12-il siegħa qabel telgħet il-polza, x'ħin bdiet tiċċirkola l-aħbar, sostnew li jekk din kienet kumbinazzjoni, xorta waħda hi suspettuża ħafna u li jħossu li m’għadhomx jafdaw lill-UEFA.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=6XWUm2tnNyI]