Inkjesta Egrant: Ippreżentata l-evidenza kollha dwar il-każ

L-avukati tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qalu dalgħodu fil-Qorti li m’għadx fadlilhom evidenza x’jippreżentaw dwar il-każ kostituzzjonali li fetaħ fuq l-inkjesta Egrant.

Bl-istess mod, l-avukat tal-Avukat Ġenerali qalet li min-naħa tagħha ma kien għad fadal ħadd minn jixhed dwar il-każ.

Abbażi ta’ dan, l-Imħallef Robert Mangion ta lil Delia ġimgħatejn ċans sabiex jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu bil-kitba, kif ukoll ġimgħatejn oħra lill-Avukat Ġenerali sabiex ifassal ir-risposta tiegħu għas-sottomissjoni ta’ Delia. Il-Qorti qalet ukoll li s-sottomissjonijiet finali b’mod verbali, miż-żewġ naħat għandhom isiru fil-11 ta’ Marzu fid-9.30am.

Delia kien fetaħ din il-kawża kostituzzjonali sabiex jisfida d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li rrifjuta li jgħaddilu kopja tal-inkjesta maġisterjali dwar Egrant. Egrant hija kumpanija bbażata fil-Panama. Delia kien ingħata aċċess biss għal 50 paġna mill-konklużjonijiet tad-dokument li kienu saru pubbliċi. Hu qed jinsisti li bħala Kap tal-Oppożizzjoni għandu dritt li jkollu kopja sħiħa.