Daqshekk ċertifikat mediku fil-ġimgħa jekk b’mard fit-tul – Il-Gvern

Se jitneħħa l-obbligu li persuna tippreżenta ċertifikat mediku kull ġimgħa, fuq mard fit-tul biex tkun tista’ titħallas il-benefiċċju tal-mard.
Il-Ministru Michael Falzon qal li ma jibqax jagħmel sens li persuna tkompli tippreżenta ċertifikat kull ġimgħa mit-tabib kurrenti tagħha meta hemm deċiżjoni ta’ bord mediku, li qed jiċċertifika l-istess persuna mhux kapaċi għax-xogħol.
Għalhekk b’dan il-mod qed jonqos piż minn fuq il-persuna li diġà għaddejja minn żmien diffiċli u ta’ tensjoni.
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar miżuri ta’ simplifikazzjoni li ttieħdu u li se jibdew jkunu introdotti, b’rabta mas-servizzi soċjali.
Il-Ministru Falzon qal li “iktar miżuri ta’ simplifikazzjoni qegħdin jagħmlu l-ħajja tan-nies iktar faċli, speċjalment ta’ persuni vulnerabbli u li jinsabu fil-bżonn”.
Huwa stmat li b’din il-miżura, id-dipartiment se jiffranka 10,000 ċertifikat mediku ta’ kontinwazzjoni.
Ritratt: Kevin Abela