Daqshekk bejgħ ta’ klieb, qtates u fniek f’Kalifornja

F’Kalifornja l-ħwienet tal-annimali mhux se jkunu jistgħu jbigħu klieb, qtates u fniek sakemm dawn ma jkunux ġejjin minn xelters jew minn organizzazzjonijiet non-governattivi.

Dan ħareġ f’rapport tas-CNN fejn ġie spjegat li minħabba liġi ġdida li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar, l-operaturi tal-ħwienet tal-annimali se jkollhom jipprovdu dokumenti dwar minn fejn ġejjin l-annimali li jbigħu. Jekk ifallu milli jagħmlu dan, jaffaċċjaw penali ta’ $500 għal kull annimal.

L-abbozz ta’ liġi dwar is-salvataġġ u l-addozzjoni tal-annimali ġiet iffirmata f’Ottubru tal-2017. Taħt din il-liġi wieħed jista’ biss jixtri klieb, qtates u fniek mingħand breeders privati. Fi stqarrija li kienet ħarġet fi żmien l-iffirmar kien ġie spjegat li din il-liġi kienet qed tidħol fis-seħħ sabiex twaqqaf dawk li sejħulhom “fabbriki tal-klieb u l-qtates”.