Daqqiet ta’ mqass, sikkina u ponn jaħsdu ħajjet għexieren ta’ nisa f’Malta

Għexieren ta’ nisa madwar id-dinja sfaw vittmi ta’ vjolenza domestika u oħrajn saħansitra nqatlu mill-persuna li suppost kienet tħobbhom. Malta għandha l-istejjer xokkanti tagħha. Nisa sfaw vittmi ta’ xi sieħeb jew qarib. Stejjer li ta min jibqa’ jiftakarhom u jittama li qatt ma jseħħu aktar.

Madwar 60 każ ta’ femiċidju ġew irrappurtati fl-aħħar 200 sena skont riċerka li għamel l-istoriku Edward Attard meta kien qed jiġbor kumpilazzjoni tal-omiċidji kollha li saru f’Malta mill-1800 sal-lum.

Ma’ Newsbook.com.mt kien Attard semma bosta każijiet li ltaqa’ magħhom fis-snin li għamel janalizza l-omiċidji li saru fil-pajjiż. Irrimarka li bosta drabi ħafna jaħsbu li meta mara tinqatel mir-raġel jew sieħeb tagħha, dan ikun minħabba li għal żmien twil tkun ilha vittma ta’ vjolenza domestika. Madanakollu insista li dan mhux dejjem il-każ.

Min huma dawn in-nisa?

Chantelle Chetcuti

L-aħħar vittma ta’ vjolenza domestika f’Malta kienet Chantelle Chetcuti li tilfet ħajjitha lbieraħ wara xi sigħat tissielet għal ħajjitha. Hi qalet madwar ħames daqqiet ta’ sikkina f’rasha mill-eks sieħeb tagħha u missier iż-żewġ ulieda. Il-każ seħħ f’Ħaż-Żabbar.

Marija Lourdes Bonnici u bintha Angele Bonnici 

Marija Lourdes Bonnici u bintha Angele Bonnici nqatlu f’Marzu tal-2019 f’Ħal Għaxaq. Bħalissa, Joseph Bonnici qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ ommu u oħtu. Meta ammetta lill-pulizija, huwa rrakkontalhom kif qatilhom f’darhom, u mbagħad ġarr il-katavri tagħhom sa għalqa tal-familja lejn il-Gudja. Huwa ħaffer żewġ toqbiet fil-ġnien.

Lourdes Agius

Lourdes Agius, omm ta’ sitt itfal, instabet mejta f’darha f’Raħal Ġdid fl-2018. Michael Emmanuel huwa akkużat li qatel lill-eks sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius billi fgaha b’kurċifiss. Agius kellha sebat itfal, wieħed minnhom tal-akkużat. Ommha sabitha mejta f’sodditha fl-14 ta’ Settembru 2018 f’Raħal Ġdid.

Shannon Mak

Shannon Mak instabet b’għonqha mħanxar f’Santa Venera fl-2018. Is-suspettat ewlieni huwa l-eks-sieħeb tagħha li qed jingħat li qatilha wara li kienet wasslitu d-dar wara attività tax-xogħol u ħanxrilha għonqha wara argument.

Maria Carmela Fenech u Antonia Micallef

Il-qtil doppju ta’ din l-omm u oħta wkoll seħħ fl-2018. Iż-żewġ nisa nqatlu minn iben Antonia f’darhom fil-Għargħur. Qed jingħad li qatilhom b’daqqiet ta’ sikkina wara li semagħhom jgħidu bejniethom li kien tefgħalhom xi velenu fil-kafè.

Eleanor Mangion

Eleanor Mangion inqatlet b’daqqa ta’ mannara f’rasha fl-2016 u nstabet f’warehouse f’Ħal Qormi. Is-sieħeb tagħha qed jiġi akkużat bil-qtil tagħha. Huma kienu għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni u flimkien kellhom tifla ta’ 9 snin.

Caroline Magri

Caroline Magri kienet instabet mis-sieħeb tagħha mejta b’għonqha mħanxar fis-sodda tagħha fl-2016 f’Ta’ Ġiorni. L-eks-sieħeb tagħha huwa suspettat bl-assassinju tagħha wara li allegatament kien ilu jħuf warajha u jheddidha għal żmien twil.

Silvana Muscat

Silvana Muscat kienet instabet mejta fis-sodda tagħha wara li qalgħet ħames daqqiet ta’ sikkina fid-dar f’San Pawl il-Baħar fl-2015. Is-suspettat bil-qtil tagħha huwa r-raġel tagħha Hamid Nour Eddine G Ibrahim li ilu għal snin twal jiġi mfittex mill-Pulizija madwar l-Ewropa. Ftit tal-ġimgħat qabel il-qtil tagħha, hu kien qal fil-Qorti li kien aggredixxa lil martu u kien ġie ordnat biex ma jersaqx lejha aktar.

Meryem Bugeja

Meryem Bugeja li kienet qed tqila b’tewmin instabet mejta wara li qalgħet daqqiet f’rasha fid-dar tagħha fl-Imġarr fl-2012. Għall-bidu l-Pulizija ħasbu li l-mara kienet waqgħet, ħabtet rasha u mietet iżda aktar tard irrealizzaw li dan ma kienx possibbli. L-eks-raġel tagħha ġie interrogat mill-Pulizija iżda ġie rrilaxxat għax ma kienx hemm biżżejjed evidenza.

Margaret Mifsud

L-avukata Margaret Mifsud inqatlet fl-2012 wara li l-eks-sieħeb tagħha fgaha fil-karozza f’Baħar iċ-Ċagħaq. Nizar El Gadi weħel għomru l-ħabs wara li għadda ġuri u nstab ħati.

Yvette Gajda

Yvette Gajda inqatlet mis-sieħeb tagħha fid-dar tagħhom f’San Pawl il-Baħar lura fl-2012 wara li qalgħet 60 daqqa ta’ mqass. Nandor Marton kien wieġeb ħati li qatel lill-mara u kien weħel 25 sena ħabs.

Karen Cheatle

Karen Cheatle instabet mgħarrqa fl-appartament tagħha fil-Mellieħa fl-2011. Hi kienet instabet wara li l-Pulizija ppruvaw jikkuntattjawha wara li sabu lis-sieħeb tagħha, John Agius, mgħallaq ma’ siġra barra d-dar tiegħu fl-Imġarr.

Irena Abadzhieva

Irena Abadzhieva kienet instabet mejta f’appartament f’Bugibba fl-2011 wara li eks-sieħeb tagħha qatilha b’40 daqqa ta’ sikkina. Il-mara inqatlet minn Mustafa Kosurgeli li sal-lum il-ġurnata għadu ma ġiex arrestat minkejja li huwa mniżżel bħala wieħed mill-aktar persuni perikolużi li qed jiġu mfittxija mill-Europol.

Christine Sammut

Christine Sammut inqatlet fl-2010 permezz ta’ tir waqt li kienet fil-karozza, mill-eks-sieħeb tagħha. Kenneth Gafa qed jiskonta sentenza ta’ 35 sena l-ħabs wara li ammetta bil-qtil tagħha u b’hekk evita li jgħaddi ġuri u jaffaċċja għomru l-ħabs.

Catherine Agius

Catherine Agius inqatlet fl-2009 mill-eks-raġel tagħha wara li kienet nieżla minn fuq karozza tat-trasport pubbliku f’Ħal Tarxien. Roger Agius qed jiskonta sentenza ta’ 30 sena ħabs.

Lyudmila Nykytiuk

Lyudmila Nykytiuk fl-2009 kienet waqgħet minn xaft waqt argument li kellha mar-raġel tagħha. Hu ħalliha tmut fix-xaft f’San Pawl il-Baħar.

Therese Vella

Fl-2009, Therese Vella nqatlet b’daqqiet ta’ sikkina mill-eks-sieħeb ta’ bintha meta hi ntervjeniet biex twaqqfu milli jkompli jagħti d-daqqiet ta’ sikkina lil bintha.

Doris Schembri

Doris Schembri nqatlet fl-2005 permezz ta’ numru ta’ daqqiet ta’ sikkina waqt li kienet għall-kura fl-Isptar San Luqa. L-eks-raġel tagħha kien dak li qatilha. Fl-1992, Anthony Schembri kien tressaq il-Qorti wara li attakka lil martu b’imqass. Hu kien qal li kien isofri minn kundizzjoni medika.

Patricia Attard

Patricia Attard kienet instabet mejta fil-karozza tagħha f’Ta’ Qali fl-2004 wara tir. L-eks raġel tagħha kien ġie akkużat li ħallas persuna biex twettaq il-qtil.

Katya Farrugia

Katya Farrugia nqatlet b’tir mis-sieħeb tagħha fl-2004 waqt li kienet fil-karozza tagħha f’Ħal Għaxaq. Sorsi jgħidu li hi kienet qed tipprova twaqqaf ir-relazzjoni. Hu kien qatel lilu nniffsu.

Josette Scicluna

Josette Scicluna inqatlet fl-2003 b’49 daqqa ta’ sikkina mill-eks-għarus tagħha f’darha stess f’San Ġwann quddiem binthom ta’ seba’ snin. David Norbert Schembri intbagħat għal għomru l-ħabs fl-2009.

Pauline Tanti

Pauline Tanti kienet qalgħet ukoll numru ta’ daqqiet ta’ sikkina mill-eks-raġel tagħha fl-2002 fuq l-għatba tal-kunjata. Ir-raġel kien temm ħajtu b’idejh wara li qatilha.

Rachel Muscat

Rachel Muscat inqatlet mill-għarus tagħha fl-2002 fl-appartament tiegħu f’Ħal Għaxaq. Nureddin Bazena qatel lit-tfajla wara li qaltlu li xtaqet ittemm ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Hu kien ta numru ta’ daqqiet ta’ sikkina imbagaħd ħeba ġisimha taħt is-sodda.

Vanessa Grech u bintha

Vanessa Grech flimkien ma’ bintha ta’ 17-il xahar inqatlu b’daqqiet ta’ sikkina u ntremew f’bir mir-raġel tagħha f’Birżebbuġa fl-2001. Alfred Azzopardi miż-Żejtun kien weħel sentenza ta’ għomor il-ħabs fl-2005 wara li l-każ għadda ġuri.

Jane Vella

Jane Vella li fl-1999 kienet ġiet imbuttata għal isfel minn fuq għolja fil-Munxar Għawdex.

Maria Buhagiar

Maria Buhagiar kienet inqatlet fil-Mosta fl-1999 minn ħuha. Hu sparalha wara argument fuq ħobż mixwi li nħaraq u flokk li kellu bżonn it-tiswija.

Emilia Catania & Jacqueline Catania

Fl-1999, Emilia Catania u bintha li kellha 16-il sena nqatlu mir-raġel ta’ Emilie permezz ta’ tiri. Wara hu spara lilu nniffsu fl-istonku u miet ftit wara. Il-każ kien seħħ fil-Qrendi.

Silvia King

Sylvia King fl-1993 inħarqet ħajja fil-karozza tagħha fil-limiti tar-Rabat. Hi nqatlet għax kienet qed tgħin mara vittma ta’ vjolenza domestika. Joseph Harrington kien qatel lil King flimkien ma’ raġel ieħor wara li ħatfuha. Harrington miet fl-isptar fl-2014.

Diane Gerada

Diane Gerada li fl-1993 inqatlet wara li sfat vittma ta’ daqqiet ta’ sikkina mir-raġel tagħha f’darha f’Marsaxlokk. Grazio Gerada kien ingħata sentenza ħabs ta’ erba’ snin għax il-Qorti kienet sabet li aġixxa għax kien provokat.

Gemma Fonk

Fl-1987, Gemma Fonk inqatlet b’numru ta’ daqqiet ta’ sikkina mir-raġel tagħha waqt li kienet fis-sodda f’Paola. Oriġinarjament hu pprova jgħid li hi kienet inqatlet minn xi ħadd li daħlilhom fid-dar.

Angela Debono

Fl-1983, Angela Debono nqatlet b’numru ta’ daqqiet ta’ sikkina f’darha mir-raġel tagħha għax ma riditx toħroġ mis-sodda minkejja l-uġigħ.

Rose Casaletto

Fl-1981, Casaletto kienet ġiet mgħarrqa f’darha f’Ħaż-Żabbar mir-raġel tagħha. Bint Rose kienet dik li sabet lill-ommha mgħarrqa fil-banju.

Mary Saliba

Fl-1978, Mary Saliba nqatlet b’numru ta’ daqqiet ta’ sikkina mir-raġel tagħha f’Paola. Hu rrapporta l-inċident lill-pulizija u wara temm ħajtu b’idejh.