Daqqa ta’ mannara dalwaqt għal karozzi tal-petrol u diżil f’Malta

Karozzi li jaħdmu b’magni diżil jew petrol huwa maħsub li jkunu pprojbiti milli jiġu impurtati wara l-2030.
Il-Kamra tal-Kummerċ Maltija qalet dan filwaqt li spjegat il-proċess għal sejħa tal-offerti għal servizzi ta’ konsulenza li nfetaħ minn Transport Malta
Transport Malta ppubblikat sejħa għall-offerti għal servizzi ta’ konsulenza biex ikun hemm reviżjoni u aġġornamenti tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Mobilità Elettrika.
Se jitfassal ukoll dokument ta’ konsultazzjoni dwar id-data ta’ meta se titwaqqaf l-importazzjoni tal-vetturi b’magni petrol jew diżil.
Il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Mobilità Elettrika fil-preżent huwa mifrux mill-2013 sa 2020 u qed ikun propost li jkun estiż sal-2030 biex ikun żgurat li l-istrateġija tkun aġġornata u konformi mal-ħtiġijiet u l-isfidi attwali.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, qal li din is-sejħa għall-offerti hija pass ieħor biex Malta tilħaq il-miri nazzjonali u dawk tal-Unjoni Ewropea u li l-mobilità elettrika hija kwistjoni ta’ prijorità għolja.
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera qal li l-pass li jmiss wara l-bidla fil-produzzjoni tal-elettriku hija l-bidla biex jitnaqqas it-tniġġis mill-karozzi.