Daqqa ta’ ħarta mingħand Trump lil studenti transgender

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, reġġa’ lura għadd ta’ gwidi li kienu twaqqfu mill-president ta’ qablu Barack Obama dwar l-użu pubbliku tat-tojlits għal persuni trans fl-iskejjel statali. Mijiet ta’ persuni nġabru quddiem il-White House jipprotestaw.
Meta kien president, Obama kien ta struzzjonijiet sabiex l-iskejjel iħallu lil pesuni trans jużaw it-tojlit li jaħsbu jiffittja l-aktar il-persunalità tagħhom, tan-nisa jew tal-irġiel.
Ilbieraħ Trump ħassar dawn l-istruzzjonijiet billi bagħat ittra uffiċjali lill-iskejjel kollha li kienet tgħid li dak li waqqfet l-amministrazzjoni ta’ Obama kienet ikkawżat it-taħwid fi mħuħ in-nies.
L-ittra kienet tgħid ukoll li m’għandux ikun il-president li jiddeċiedi x’inhu l-aħjar għall-iskejjel, iżda l-iskola nnifisha tagħmel hi l-politika tagħha dwar dawn l-affarijiet.
Dan l-aġir ta’ Trump mistenni jniżżel nies aktar fit-triq jipprotestaw, hekk kif il-qasma bejn il-konservattivi u l-progressivi tkompli tikber.
Rachel Tiven, persuna li titkellem għad-drittijiet tal-persuni LGBT fl-Amerka rrimarkat hekk , “Ilkoll nafu kemm Trump huwa bully, iżda dan l-attakk fuq tfal transgender wera kemm hu bniedem baxx.”