​Daqqa oħra ‘l isfel għal Qormi u oħra ‘l fuq għal Balzan fil-Malta Summer Cup

Żewġ logħbiet oħra minn Grupp A, fejn Qormi baqgħu bla punti, wara li tilfu bl-iskor ta’ 4-1 kontra Pietà Hotspurs.
Għal Pietà, l-erba’ gowls ġew minn doppjetta ta’ Kyle Cesare fl-44 u fit-52 minuta, Kossingon Bala Mandji fis-57 minuta u Rafael Xavier fit-83 minuta.
L-uniku gowl ta’ Qormi wasal fit-88 minuta minn penalti skurjat minn Miguel Fabio Malheiro Paim.
Rebħa oħra għal Balzan, din id-darba fuq Naxxar Lions bl-iskor ta’ 2-1.
Naxxar fetħu l-iskor permezz tal-plejer Niġerjan eks-Floriana Ibok Edet fid-9 minuta.
Wara nofs siegħa logħob, Justin Grioli ġab id-dro għal Balzan.
Fit-48 minuta kien Lydon Micallef li skurja l-gowl tar-rebħa għal Balzan.
Fit-82 minuta Lydon Micallef seta’ għamilhom 3-1 b’doppjetta personali, meta falla l-penalti.
Għalhekk wara żewġ logħbiet fil-Malta Summer Cup, fi Grupp A nsibu lil Balzan fil-quċċata b’punti massimi ta’ 6 punti, Naxxar Lions bi 3 punti, Pietà Hotspurs bi 3 punti u Qormi bla punti.
Illum ikollna zewġ logħbiet minn Grupp B, fejn fis-6:30pm Floriana jilagħbu kontra Mosta u fit-8:30pm Zebbug Rangers jilagħbu kontra Vittoriosa Stars.
Il-logħob kollu qed jintlagħab fil-Luxol Stadium.