Daqqa ‘l isfel għall-indiċi finanzjarji madwar id-dinja

Statistika negattiva dwar kummerċ fl-Ewropa u sentiment mhux tant pożittiv dwar in-negozju fix-xhur li ġejjin wasslu biex il-prezzijiet tal-indiċi madwar id-dinja ħadu daqqa ’l isfel.
Bosta indiċi Ewropej jinsabu fil-livelli ta’ xahrejn ilu u saħansitra hemm minnhom li jinsabu f’livelli inqas minn dawk li kienu fihom is-sena l-oħra. Dan jidher li qed iseħħ fejn jidħlu l-ishma mhux fis-settur tal-bonds.
Il-Ġermanja naqqset it-tbassir tat-tkabbir ekonomiku tagħha għall-2014 u l-2015. Dan kompla daħħal iktar dubji fost l-investituri dwar kemm verament l-Ewropa ħa tkun qed tirkupra mill-kriżi tal-aħħar snin.
Il-Greċja bdiet tnaqqas il-qgħad imma fadal dubji kbar dwar kemm tista’ timxi ’l quddiem f’diversi setturi. Kien hemm xniegħat li l-Portugall se jkun qed itejjeb il-credit rating tiegħu.
L-ishma ta’ BMW u Continental tilfu iktar minn 3% fil-valur tagħhom fl-aħħar jiem.
Il-katina ta’ lukandi Accor u dik tal-karozzi Renault ukoll raw telf ta’ kważi 3% fl-aħħar ġranet. Suedzucker, li hija meqjusa bħala l-ikbar produttur taz-zokkor fl-Ewropa, rat tnaqqis ta’ 12% fil-valur tal-ishma tagħha hekk kif ħabbret li se jkollha nuqqas ta’ profitti din is-sena.
Dawn l-aħbarijiet ħżiena li seħħew fl-Ewropa wasslu biex is-swieq Amerikani wkoll ħadu daqqa ’l isfel.
L-ikbar swieq Amerikani, jiġifieri Nasdaq u S&P 500, raw tnaqqis qawwi, fejn bażikament intilfu fi ftit sigħat iż-żidiet tal-aħħar ġimgħat.
 
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250
 
L-informazzjoni u ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti ghal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’ghandhomx jiġu kunsidrati bħala parir ta’ investiment