Daqq tal-pjanu b’tifkira għal Miriam Pace xahrejn wara mewtha

Read in English.

Illum Miriam Pace tagħlaq xahrejn minn mindu tilfet ħajjitha wara li ntradmet fit-tiġrif ta’ darha fil-Ħamrun. Il-kantawtur Alex Vella Gregory organizza serata bid-daqq tal-pjanu għal ftit riflessjoni dwar il-mewt ta’ din il-vittma.

Alex Vella Gregory, il-kantawtur ta’ Ċikku l-Poplu, ħoloq attività fuq Facebook bl-isem “Kwarta għal Miriam.” Din se tkun kwarta bid-daqq tal-pjanu improvizzat għall-memorja tagħha.

Huwa spjega fuq Facebook li Miriam Pace, ta’ 54 sena, mara ta’ xi ħadd u omm ta’ żewġt ulied, inqatlet bin-negliġenza u r-regħba ta’ dawk li jgħidu li jirrappreżentaw il-“progress” u l-“ekonomija.” Stqarr li ġara ħafna minn dakinhar ‘l hawn, imma fl-istess waqt, ma ġara xejn. Il-Gvern, qal Vella Gregory, għadu jinsisti li l-kostruzzjoni għadha s-soluzzjoni, li l-flus jiswew aktar mill-ħajjiet, u li ladarba tgħaddi din il-pandemija tal-coronavirus, kollox se jkun business as usual.

F’April, erba’ persuni tressqu l-qorti akkużati bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace. Dawn kienu l-perit tal-proġett, is-Site Technical Officer, il-kuntrattur u ħaddiem fis-sit tal-kostruzzjoni biswit il-binja tal-familja Pace li ġġarrfet. Huma nħelsu mill-arrest.

Vella Gregory żied jgħid li din is-serata mhix biss għal Miriam Pace, imma għal kull min tilef ħajtu jew daru għar-regħba ta’ ħaddieħor.

L-attività se tixxandar live fuq Facebook illejla fit-8pm. L-organizzatur stieden lin-nies biex jingħaqdu miegħu għal kwarta riflessjoni fuq dawk li mietu, u fuq il-futur.

Aktar tagħrif hawn.