“Daphne investigathom, huma qatluha” – Reżistenza

Aktar sinjali twaħħlu ma’ Malta bil-kliem “investigathom…qatluha” u ritratt tal-ġurnlista assassinata Daphne Caruana Galizia minn Reżistenza Malta. Waħda minnhom ittelgħet propju mal-bordura ta’ injam u ħadid li ttellgħet madwar il-monument tal-Assedju l-Kbir li bħalissa għaddej minn tindif u għaldaqstant tneħħa l-mafkar tal-ġurnalista.

Fi stqarrija, Reżistenza spjegaw li f’pajjiżi oħrajn, meta tinqatel ġurnalista l-pulizija tibda taħdem biex tistabilixxi min seta’ ried joqtolha. Sostnew li l-persuni li wieħed loġikament għandu jinvestiga huma dawk li kienet investigat il-ġurnalista.

Irrimarkaw li Daphne qatt ma investigat lill-persuni akkużati bil-qtil tagħha, imma s-suġġett tagħha kważi dejjem kienu l-politiċi. Insistew li madanakollu l-ebda politiku għadu ma ġie investigat jew interrogat mill-pulizija bil-għan li jinstab il-mandant tal-qtil tagħha.

L-attivisti ta’ Reżistenza kkonfermaw li l-ħajt li ttellgħa madwar il-monument tal-Assedju l-Kbir, li kien qed iservi bħala mafkar tal-ġurnalista, mhux se jaqtalhom qalbhom milli jissieltu għall-verità. Insistew li l-ħajt huwa risposta ċara li l-awtoritajiet Maltin qiegħdin jiġġieldu lil Daphne anke wara mewtha.