​Daphne f’lista dinjija ta’ 25 mara li nqatlu minħabba xogħolhom

Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ġiet imfakkra bħala attivista li nqatlet waqt li kienet qed tiġġieled għad-drittijiet umani.
L-assoċjazzjoni internazzjonali għad-drittijiet tan-nisa, l-AWID, flimkien mas-sit tal-aħbarijiet Ingliż The Guardian ippublikat lista ta’ 25 mara prominenti li tilfu ħajjithom matul din is-sena minħabba l-ġlieda tagħhom għad-drittijiet.
L-AWID iddeskriviet lil Daphne Caruana Galizia bħala ġurnalista investigattiva u attivista kontra l-korruzzjoni.
L-organizzazzjoni internazzjonali qalet li Caruana Galizia rrappurtat dwar gruppi kriminali involuti fit-traffikar taż-żejt, allegazzjonijiet dwar ħasil tal-flus u korruzzjoni marbuta mal-Gvern Malti. L-organizzazzjoni spjegat li Daphne żvelat informazzjoni sensittiva relatata ma’ politiċi Maltin u l-iskandlu tal-Panama Papers.
L-AWID stqarret li minkejja t-theddid li qalgħet matul is-snin, Daphne baqgħet taħdem sakemm inqatlet b’bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017.
Daphne kienet l-unika persuna mill-Ewropa li nqatlet din is-sena li ssemmiet mill-AWID bħala tarka għad-drittijiet tan-nisa.
L-organizzazzjoni qalet li fil-lista tan-nisa li nqatlu din is-sena hemm persuni li ħadmu biex jipproteġu l-art tagħhom mill-istat u kumpaniji internazzjonali, persuni li kixfu l-inġustizzji u l-korruzzjoni, kif ukoll nisa li ħadmu għad-drittijiet tal-persuni LGBTI.  
L-AWID qalet li filwaqt li hemm ħafna rġiel li jiddefendu d-drittjiet umani, in-nisa jiffaċċjaw sfidi partikolari. Spjegat li n-nisa jkunu fil-mira ta’ ċertu attakki minħabba s-sess tagħhom u mhux biss għax qed jipprotestaw.
Skont l-AWID, f’pajjiżi li jqisu l-irwol tal-mara bħala dik il-persuna li trid toqgħod id-dar, nisa li jiġġieldu għad-drittijiet umani jaqilgħu aktar attakki għax is-soċjetà tħares lejhom bħala persuni li mhux qed jgħixu f’konforma man-normi soċjali.