Daphne Caruana Galizia tirbaħ premju internazzjonali għall-integrità

Miguela Xuereb

Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia rebħet il-premju internazzjonali Allard Prize for International Integrity.

Meta semgħu din l-aħbar, ulied il-ġurnalista qalu li din xi ħaġa inkoraġġanti, billi mhux biss qed jiġi rikonoxxut xogħol Daphne fuq il-korruzzjoni, imma l-premju jirrikonoxxi wkoll li Caruana Galizia għandha tiġi ċċelebrata għax l-eżempju li tat ta’ kuraġġ, integrità u umoriżmu quddiem id-diffikultajiet huwa meħtieġ illum u fil-futur.

Il-parti finanzjarja tal-premju se tmur għall-għanijiet tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, jiġifieri biex tara li ssir ġustizzja sħiħa ma’ Daphne u ma’ xogħolha, li xogħolha jitkompla u li jiġu protetti l-ġurnalisti investigattivi. Apparti hekk, il-Fondazzjoni tara wkoll li tagħti sapport lill-midja indipendenti u mhux partiġġjana.

Il-familja ta’ Daphne qalet li tittama li dan l-unur jispira lil dawk li komplew jinvestigaw l-istejjer tagħha biex ma jaqtgħux qalbhom, u li jinkoraġġixxi lil oħrajn biex huma wkoll jibdew jiġġieldu l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter.

Il-premju ntrebaħ b’mod konġunt minn Daphne Caruana Galizia u Howard Wilkinson, li huwa whistleblower Ingliż. Il-premju Allard Prize for International Integrity twaqqaf fl-2012 u jintrebaħ minn individwu jew organizzazzjoni li jkunu wrew sens ta’ tmexxija u kuraġġ fil-protezzjoni tad-drittijiet umani, kif ukoll minn nies li jiġġieldu l-korruzzjoni.