Daphne Caruana Galizia finalista għall-Premju Allard 2020

Miguela Xuereb

Daphne Caruana Galizia hija waħda mit-tliet kandidati magħżula għall-Premju Allard 2020 għall-Integrità Internazzjonali.

Dan il-premju, magħruf madwar id-dinja, huwa ddedikat għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

Fi stqarrija, l-organizzaturi qalu li wara proċess ta’ nominazzjoni u għażla, it-tliet finalisti ta’ din is-sena ntgħażlu minn 525 nomina minn 80 pajjiż madwar id-dinja. Dawn huma Daphne Caruana Galizia, Il-Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Impunità fil-Gwatemala, u Howard Wilkinson.

“Kull wieħed mill-finalisti wera saħħa u kuraġġ inkredibbli fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, fl-oppożizzjoni tal-korruzzjoni, u fil-promozzjoni tat-trasparenza, ir-responsabbiltà, u l-Istat tad-Dritt,” stqarr Peter Allard. “Minkejja li jiffaċċjaw riskji personali kbar għall-isforzi tagħhom, u f’każ minnhom soffriet l-akbar sagrifiċċju, il-finalisti wrew impenn u integrità kostanti fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ħafna forom tagħha.”

Ir-rebbieħ se jitħabbar f’ċerimonja virtwali fil-21 t’Ottubru f’12.00pm PDT (fid-9.00pm f’Malta).

Fl-2019, ritratt li ħa l-fotografu Malti Darrin Zammit Lupi waqt vġili għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia rebaħ premju mill-istess organizzazzjoni.