Segwi l-filmati: Daphne Caruana Galizia arrestata talli kisret il-jum ta’ riflessjoni

Illejla, ftit wara l-9:30pm, il-pulizija arrestat lill-artikolista .

Jirrizulta li dan sar minħabba li fuq il-blog tagħha, kitbet artikli ta’ natura politika, meta ma kelliex tagħmel dan peress li ġurnata qabel elezzjoni ma jistgħux isiru kummenti politiċi la fuq il-mezzi tax-xandir u lanqas fuq l-internet.

Jidher li kienu tlieta l-pulizija li marru d-dar tagħha fil-Bidnija u ħaduha l-għassa tal-pulizija tal-Mosta fejn għadha arrestata.

Intant, iktar kmieni illum, paġni fuq Facebook iddeċidew li jinjoraw il-ġurnata skiet imposta fuqhom lejliet l-elezzjoni, u tefgħu xorta waħda materjal politiku fuq l-internet. Il-Liġi tgħid li lanqas fil-jum tal-votazzjoni m’għandu jkun hemm attivitajiet jew diskorsi politiċi.

F’messaġġ komuni li xxerrjaw dalgħodu fuq Facebook, paġni bħal: Satiristan, Bis-Serjetà – Serjetà Biss u Bananarepublic għażlu li jmorru kontra din il-liġi u dan mhux għaliex matul din il-kampanja elettorali ma ntqalx biżżejjed imma għaliex fi kliemhom, la huma ċittadini u mhux xandara, għandhom kull dritt jesprimu l-opinjoni tagħhom kif u meta jridu.

Il-paġna Bis-Serjetà – Serjetà Biss, li hi paġna satirika, iddeċidiet li l-kummenti politiċi li se tikteb illum ma jkunux bil-Malti imma biċ-Ċiniż. Kull min irid jaqra xi status, irid jitraduċieh.

Illum ukoll wieħed seta’ jinnota li uħud mill-kandidati tal-elezzjoni ġenerali ukoll tefgħu kummenti politiċi fuq facebook. Ma naqsux ukoll ir-riklami tal-kandidati fil-ġenb ta’ facebook u anke riklami politiċi f’websajts li m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-politika.