Esklussiva: Daniel Muka jipprova jaħrab mill-ħabs

Qtil Doppju Tas-Sliema

Read in English.

Daniel Muka, li qed jiġi akkużat bil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Igor Micjoweski f’Tas-Sliema, fl-aħħar ġimgħat ipprova jaħrab mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li kien uffiċjal tas-snajja’ li nduna li t-twieqi taċ-ċella ta’ Muka ma kinux kif suppost u li xi fili u konsenturi ma kinux f’posthom. Iċ-ċella ta’ Daniel Muka kienet f’Diviżjoni 5, diviżjoni li hija magħrufa għas-sigurtà massima tagħha. Madanakollu fiha nstabu għodda fosthom grappling hook u armi improvizzati. Skont l-istess sorsi, Muka issa qed jinżamm f’single room f’estensjoni ġdida tal-ħabs.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru għall-Intern qalet li dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali wara li “fil-pussess ta’ Muka nstab materjal li ġie mibdul fil-forma ta’ armi jew għodda”. Żiedet tgħid li s-sejba saret mill-awtoritajiet tal-ħabs li minnufih involvew lill-Pulizija.

Muka, Albaniż ta’ 25 sena, jinsab akkużat bil-qtil taż-żewġt irġiel f’darhom fi Triq Locker fit-18 ta’ Awwissu. Fil-Qorti huwa ammetta li seraq affarijiet mid-dar tal-vittmi, imma insista li hu ma qatel lil ħadd. Il-Pulizija qalet fil-Qorti li Muka kien instab liebes ġiżirana ta’ Pandolfino madwar għonqu.

Fl-ewwel jiem tiegħu fil-ħabs, Daniel Muka ġie umiljat f’kamra waħdu f’single room:

  • It-twieqi li jagħtu għas-single room huma viżibbli minn barra u jinsabu fil-baxx. Din is-single room tissejjaħ ukoll ‘observation room’ – is-saqaf huwa tal-perspex, biex l-uffiċjali jkunu jistgħu jissorveljaw.
  • F’din il-kamra m’hemmx faċilitajiet sanitarji normali  u għaldaqstant biex jaqdi l-bżonnijiet tiegħu jkollu juża ħofra fl-art.  Minbarra l-uffiċjali jistgħu jarawh ukoll priġunieri oħra għax hemm tieqa.
  • Itteħdulu l-ħwejjeġ u għamel żmien għarwien ħuta.