​“Dan qtil politiku” – Godfrey Farrugia

Dr Godfrey Farrugia, id-deputat Parlamentari f’isem il-Partit Demokratiku, qal fil-Parlament li l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kien qtil politiku.
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, Dr Farrugia spjega dak li fi kliemu hu ritratt ta’ kif is-soċjetà nbidlet u bit-tibdil fil-valuri u fil-prinċipji m’għadhiex tingħaraf.
L-Eks Ministru Laburista fisser għaliex dan hu delitt politiku.
Sostna li qtil politiku mhux bilfors ikun għamlu jew ikollu sehem fih il-politikant, imma jitwettaq għax il-klima politika tkun kompliċi.
“Qtil politiku jfisser li l-klima politika tkun tali li tippermetti l-qtil ta’ terzi, li suppost ikunu protetti mill-istat”, kompla jgħid.
Saħaq li f’każ ta’ qtil ta’ ġurnalista, tkun qed tolqot fil-laħam il-ħaj il-professjoni tal-ġurnalisti u d-demokrazija.
Dr Godfrey Farrugia qal li tgħallem hemm tliet affarijiet li ma jeżistux:

  • Li m’hawnx sistema ta’ istituzzjonijiet b’saħħithom, awtonomi u indipendenti. Saħaq li dawn m’għandhom qatt ikunu estensjonijiet tal-Eżekuttiv, jiġifieri tal-għażla ta’ Ministru, ta’ Kabinett jew ta’ Prim Ministru, hu min hu. Jekk dawn jintgħażlu/jitkeċċew mill-Prim Ministru, Malta qatt ma jista’ jkollha governanza korretta.
  • M’għandniex governanza korretta
  • Is-separazzjonijiet ta’ poter għandhom ikunu distinti minn xulxin, b’termini li huma definiti bl-aktar mod ċar.

Godfrey Farrugia saħaq li jitnikket, jitwaħħax u jibża’ meta jħares lejn il-Kamra tar-Rappreżentanti, lejn il-ġudikatura, u lejn ix-xandir maħkum mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
“U ninduna bis-sarima li għandna ma ħalqna biex tasal il-verità b’mod komplet”, temm jgħid Farrugia.