“Dan mhux Prim Ministru ġdid imma kontinwità ta’ Muscat” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Robert Abela mhux se jkun Prim Ministru ġdid, imma fi kliem Abela stess, se jkun kontinwità ta’ Joseph Muscat. Saħaq li l-poplu Malti qed jistenna ħafna iktar mill-kontinwità, irid li t-tapit oħxon li kien hemm f’Kastilja mċappas bid-dmija mhux jitneħħa imma jinqabad u jintrema.

“Neħħi lil Konrad Mizzi, lill-AĠ u lill-Kummissarju” – Delia lil Abela

F’isem l-Oppożizzjoni, Delia għamel għadd ta’ talbiet lil Abela, ewlenija fosthom li jneħħi lil ċerti nies mill-pożizzjoni amministrattiva tagħhom. Dawn huma Konrad Mizzi mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista, Lawrence Cutajar minn Kummissarju tal-Pulizija, Peter Grech minn Avukat Ġenerali u Mario Cutajar minn Kap taċ-Ċivil. Dwar il-Kummissarju, Delia qal, “Nispera li sakemm nispiċċa dad-diskors li Abela diġà informa lill-Kummissarju tal-Pulizija li se jneħħih.”

Apparti dan, Delia qal li jistenna li Abela jippubblika l-kuntratti tal-power station u dak mal-Vitals u wara ma’ Steward. Adrian Delia qal li l-Prim Ministru ġdid għandu jara li l-ebda kariga eżekuttiva fis-settur pubbliku ma timtela mingħajr sejħa pubblika u proċess ta’ għażla, li jkun ħieles mill-indħil politiku. Qal li mingħand Abela ma jistenniex il-kontinwità tal-legat ta’ Joseph Muscat, iżda l-pajjiż irid mingħandu l-kontabbiltà, it-trasparenza u l-meritokrazija.

Delia sostna li l-partit fil-Gvern huwa maqsum fin-nofs, qal li lbieraħ il-Partit Laburista wera sfiduċja fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni indirizza lill-Mexxej il-ġdid tal-PL u qallu li jekk bħala Prim Ministru ġdid, jerfa’ r-responsabbiltà, għandu jsib Partit Nazzjonalista magħqud u lest li jaħdem għal Malta u li jġib l-interess ta’ pajjiżu l-ewwel. Delia stqarr li l-Partit Nazzjonalista lest li jinsa kollox u jħares ‘il quddiem “għax din hi s-siegħa ta’ Malta.”