“Dan ma kienx każ iżolat; Bżonn ta’ għajnuna tal-awtoritajiet” – Sindku Pembroke

L-iskart mitfugħ f’żona protetta jidher li mhux każ iżolat, iżda tiġri ta’ spiss, skont is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili. Newsbook.com.mt tkellem ma’ Hili wara li persuna poġġiet ritratti fuq  Facebook li juru ammont ta’ għamara fuq ix-xgħari fiż-żona viċin l-impjant ta’ reverse osmosis f’Pembroke. Żona li hi wkoll protetta. Iktar tard matul il-jum tat-Tnejn, Hili stess kien li kiteb fuq Facebook li l-iskart kien tnaddaf. Il-persuna li poġġiet ir-ritratti oriġinarjament spjegat kif kien hemm xi nies li kienu qed jagħmlu piknik u qabdu xi nar mill-għamara li kien hemm.

Kunsill Lokali Pembroke

Hili qal ma’ Newsbook.com.mt li filwaqt li jixtieq li seta’ jgħid mod ieħor, dan mhux każ iżolat, iżda kien każ li qanqal l-interess tal-midja. Kompla jgħid li wara kull tmiem il-ġimgħa fejn it-temp kien sabiħ, ħafna jkunu dawk li joħroġu fl-inħawi u jagħmlu l-pikniks u l-BBQs. Iżda nnota kif din tal-għamara kienet xi ħaġa ġdida. Huwa kompla jgħid li bħala Kunsill jagħmlu li jistgħu biex iżommu s-sit nadif. Iżda xogħol il-Kunsill huwa limitat, spjega Hili, u hemm bżonn ta’ iktar għajnuna minn naħa tal-Awtoritajiet bħal Pulizija.

Hili sostna li jekk il-Pulizija jżidu fil-frekwenza tar-rondi u dawn ikunu iktar spissi, l-problema tista’ tiġi eradikata. Saħaq li bħala Kunsill jeżiġu li dan isir.

Meta kien mistoqsi dwar l-ammont, qal li huwa mhux allarmat, dan minħabba li ġrat ħafna drabi, u jkollhom jagħmlu dal-eżerċizzju kull ġimgħa.

Iktar kmieni matul il-jum persuna poġġiet ritratti li juru grupp ta’ nies qed jagħmlu piknik u jqabdu nar fuq żona protetta. Il-persuna saħqet li ammont sostanzjali ta’ ħmieġ tħalla fuq il-post. Jidher li persuna oħra ċemplet l-Pulizija dwar il-każ, iżda sakemm laħqu waslu, kien dalam.

Kelliem għall-Kunsill Lokali ta’ Pembroke iktar kmieni kien qal ma’ Newsbook.com.mt li huma kienu rċevew informazzjoni dwar il-każ, filwaqt li kkonfermaw li ż-żona hi protetta u ma jistax jitqabbad nar fuq is-sit. Iż-żona tinsab f’idejn l-għaqda mhux governattiva Nature Trust Malta (NTM). Ġie spjegat ukoll li hemm limitu ta’ x’azzjoni tista’ ttieħed mingħand il-Kunsill, u r-responsabilità taqa’ fuq l-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) u l-Pulizija.