Awguri lill-attur, awtur u direttur Clive Psicopo li llum qed jiċċelebra għeluq is-36 sena tiegħu. Huwa twieled bħal-lum it-30 ta’ Lulju tal-1984. Fir-ritratt ta’ fuq jidher meta kien għadu żgħir, flimkien ma’ ommu Maryrose.
Lil Clive narawh fis-sensiela L-Għarusa bħala l-Ispettur Abela u wkoll bħala Dr Mark Laferla fis-sensiela Ħbieb u Għedewwa.
Clive imexxi Theatre Lab Malta fejn iħarreġ tfal żgħar jimxu ‘l quddiem fix-xena teatrali. Kiteb, ipproduċa u dderieġa bosta produzzjonijiet teatrali bħal Dar Darun, u It-Tfajjel ta’ Fuq il-Bandla, Inverżjoni. Kiteb ukoll Fejn Jeħodna r-Riħ u Meta Ġrejna Wara X-Xemx.
Clive kien kiteb ukoll is-sensiela Anġli: Kapitlu Ġdid.
Huwa għarus lill-attriċi Claire Buhagiar u se jkunu qed jiżżewġu fiż-żmien li ġej.
Fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, l-attur dalgħodu kiteb li “il-ħajja mhux dejjem faċli imma xorta hemm elf raġun biex inkun grat!”
Nawguraw lil Clive l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.