Dan l-attur illum jagħlaq 73 sena. Għaraftu?

Mario Micallef

Dan tar-ritratt mhu ħadd ħlief l-attur Mario Micallef li llum qed jiċċelebra għeluq it-73 sena tiegħu. Twieled bħal-lum it-28 ta’ Ottubru tal-1947.

Il-karriera ta’ Mario tmur lura għal bosta snin. Fit-tfulija kien jattendi ċ-Circolo Gioventù Cattolica tal-Belt u minn hemm nibtet il-ħajra għall-palk.

Ħa sehem f’diversi sensiliet u produzzjonijiet televiżivi fosthom F’Baħar Wieħed, Leli ta’ Ħaż-Żgħir, Wirt, Triq Waħda, Fredu l-Fra, Għaddi l-Bieb Miftuħ, Pasturi Jiċċaqilqu, Il-Bajjad u l-Kuluri. Il-Ġardinar u l-Fjuri kif ukoll is-sensiela It-Tfal Jiġu Bil-Vapuri.

Josephine Zammit Cordina u Mario Micallef f’xena minn Triq Waħda

Mario ma naqasx milli jieħu sehem f’diversi films li nħadmu f’pajjiżna u li jinkludu Midnight Express, Lion of the Desert, Orca The Killer Whale u Pirates. Huwa ħadem ukoll fil-film Malti għaċ-ċinema Mera tal-Passat.

Fit-teatru baqa’ attiv matul is-snin, u bla dubju li wieħed ma jistax ma jsemmiex li Mario kien il-persuna li ntroduċa lil William Shakespeare bil-Malti u tella’ bosta xogħlijiet tiegħu permezz tal-kumpanija teatrali Talenti.

Bħalissa lil Mario qed narawh f’żewġ sensiliet fuq TVM. Nhar ta’ Tnejn huwa jinterpreta lill-Ispettur Bonnici fis-sensiela L-Ispettur ta’ Mario Philip Azzopardi. Din is-sensiela f’10 puntati hija bbażata fuq it-triloġija ta’ L-Ispettur Bonnici li kienu ttellgħu b’suċċess fit-Teatru Manoel.

Vince Micallef Pulè, Mario micallef, Monica Attard u Jurgen Ciantar f’L-Ispettur

Nhar ta’ Tlieta narawh fil-karattru ta’ Giuseppe Cuppola fis-sensiela F’Ġieħ L-Imħabba ta’ Dr Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa għal Rewind.

Mario Micallef u Keith Cassar Jackson fis-sensiela F’Ġieħ L-Imħabba. Ritratt: Ivan Borg

Mario huwa miżżewweġ lill-attriċi Nathalie Micallef. Il-koppja Micallef huma ġenituri ta’ tnejn, kif ukoll nanniet.

Nawguraw lil Mario l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.