Dan l-attur illum jagħlaq 58 sena. Għaraftu?

Awguri lill-attur Tonio Vella li llum qed jiċċelebra għeluq it-58 sena tiegħu. Twieled bħal-lum is-27 ta’ Awwissu tal-1962.

Beda l-karriera tiegħu fl-1977 maċ-Ċentru Parrokkjali tan-Naxxar. L-esperjenza tiegħu fuq il-palk bdiet b’kumbinazzjoni meta attur fi produzzjoni li kienet se tittella’ marad u d-direttur talab lil Tonio biex il-parti jagħmilha hu. Tonio għax kien mistħi rrifjuta iżda d-direttur baqa’ jinsisti u Tonio daħal għall-parti u minn dakinhar ma ħarisx lura.

Bla dubju Tonio jibqa’ assoċjat mal-karattru ta’ Majsi, li beda mill-films ta’ Elio Lombardi u għalkemm lil Tonio nafuh f’partijiet komiċi, ħadem ukoll karattri serji wkoll fosthom fil-parti ta’ Padre Pio u fi produzzjonijiet oħra bħal Dun Ġorġ Preca, Mother Teresa, Mgr. De Piro, Bernardette Soubirous kif ukoll il-parti ta’ Ġesù Kristu fi drammi tal-Ġimgħa l-Kbira. 

Fl-1992 Tonio rebaħ l-unur tal-Aqwa Attur waqt il-Malta Cine Circle Amateur Film għall-parti f’Mela Darba u fl-2007 rebaħ ukoll l-unur tal-Best Supporting Actor waqt il-Malta Television Awards.

Fuq it-televiżjoni rajnieh f’diversi sensiliet bħal Il-Kerrejja, Ħal Bla Ras, Qegħdin Sew, Is-Sur Gawdenz Bilocca, Fredu l-Fra, Boxxla Xjaten, Midinbin u La Morna Morna. Ħadem ukoll fil-film Xrar. Idderieġa wkoll Idejn il-Vjolinista, kif ukoll l-ewwel staġun ta’ Marvin u-serje komika. Boxxla Xjaten.

Tonio iħobb ukoll ikanta u ħadem f’diversi operetti u musicals u jkanta wkoll ma’ diversi korijit fosthom il-Jubilate Deo tan-Naxxar.

Tonio huwa miżżewweġ lil Josephine u għandhom tlett ulied.

Ritratt: Facebook/TonioVella

Nawgurawlu l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.