Aġġornata (1): “Dan kien frame-up fuqi” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li dak li ġara din il-ġimgħa jseħħ biss f’pajjiżi dittatorjali, fejn il-Gvern jipprova jagħlaq ħalq il-Kap tal-Oppożizzjoni u ddeskrivih bħala frame-up fuqu u theddida għad-demokrazija.
Waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101, Simon Busuttil kien qed jitkellem dwar l-aħbar li ċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri, ippreżenta kwerela lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiġi investigat il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan wara li l-ġimgħa l-oħra, Busuttil ressaq rikors il-Qorti, fejn talab biex tinfetaħ inkjesta kriminali dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u l-Ministru Konrad Mizzi.
Simon Busuttil qal li l-Gvern irid jifhem li l-elezzjoni ma ħassritx id-dnubiet tal-Gvern u dak li qabel l-elezzjoni kien reat kriminali, għadu hekk issa wkoll. Fakkar li l-Pulizija baqgħet ma ħaditx passi u ħass li kellu jagħmel xi ħaġa hu.
Saħaq li ma jagħmilx sens li Schembri jgħid li hu xehed falz, meta fi kliemu hu qed jibbaża fuq il-fatti magħrufa, fosthom il-Panama Papers.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dak li għamel Keith Schembri seħħ bil-barka tal-Prim Ministru Joseph Muscat u kkundanna l-fatt li l-awtoritajiet f’Malta qed jintużaw bil-maqlub għal dak li suppost iwettqu.
Irrefera għall-ktieb 1984 ta’ George Orwell, fejn il-verità ssir gidba u l-gidba verità u qal li f’pajjiżna qed isir l-istess.
Simon Busuttil qal li filwaqt li mhux se jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni, xorta waħda se jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni sakemm tirbaħ il-ġustizzja.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrefera wkoll għall-aħbar fuq it-Times of Malta li Vitals Global Healthcare qed titħallas €188,000 kuljum (€70 miljun fis-sena) biex tipprovdi sodod lill-Gvern fl-isptarijiet ta’ Għawdex, Karin Grech u San Luqa.
Dwar dan, Simon Busuttil qal li issa ħerġin id-dettalji “tat-taħwid” li sar qabel l-elezzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li dawn mhux servizzi ġodda, imma l-istess servizzi li kien joffri l-Gvern, b’nefqa ta’ €55 miljun, qabel ma ta s-servizz tal-saħħa pubblika f’dawn l-isptarijiet lill-privat.
Appella lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jagħti spjegazzjoni ta’ dak li qiegħed jiġri.
Pajjiżna bħalissa għandu Gvern Riformist u Oppożizzjoni staġnata  – Partit Laburista
Il-Partit Laburista, b'reazzjoni għal dak li qal Dr Busuttil, sostna li l-Kap attwali kif ukoll dawk prospettivi jinsabu mwaħħla fi żmien ta' qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Fi stqarrija ntqal li Dr Busuttil baqa' jdoqq l-istess diska ta' qabel l-elezzjoni, b'referenza għal dak li l-PL sejjaħlu "attakk" fuq l-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż, fost l-oħrajn l-investiment tal-privat fil-qasam tas-saħħa.
Dan jikkuntrasta ferm mal-Gvern li għandu "viżjoni ġdida għall-pajjiż".